F’diskors nieqes minn viżjoni, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech bit-tama li jqanqal ftit nostalġija quddiem udjenza fqira li kellu fakkar li bħal lum 19-il sena Malta daħlet membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea. Hu tenna li “ħaddieħor irid inessi dan il-pass għaqli li twettaq minn Eddie Fenech Adami.”
Il-Partit Nazzjonalista għażel li jfakkar Jum il-Ħaddiem bi protesta li saret quddiem il-PBS u ħdejn il-bini tal-Isptar St Luke’s.
Bernard Grech b’diskors ta’ rabja kbira qal li “qaluli ma ngħajatx ħafna għax inqajjem il-ħamiem li hemm St Luke’s… iżda kif nista’ ma nkunx irrabjat…”
Il-Kap Nazzjonalista qal li l-pensjonanti mhux qegħdin ilaħħqu mal-pensjoni tagħhom u sostna li Gvern Laburista nesa lil din il-kategorija ta’ nies fis-soċjetà. Ta’ min ifakkar li kien Gvern Laburista li għolla l-pensjonijiet sena wara sena wara li għal 25 sena sħaħ taħt Gvern Nazzjonalista l-pensjonanti qatt ma ngħataw żieda.
Hu kkritika dak li ftit qabel ħabbar il-Prim Ministru li kien se jagħti rifużjoni tat-taxxa. Kien hawn li nfexx jgħajjar lil Prim Ministru u akkużah li “messek tirrifondi s-serqa kbira li sraqtu minn fuq dahar il-Maltin.”
Hu qal li Gvern imexxi minnu mhux se jkun gvern ta’ skjavitur u mhux se jħalli lil ħadd jitħallas 600 ewro f’xagħrejn. Grech irrefera għal ħafna ħaddiema barranin li qegħdin jiġu jaħdmu f’pajjiżna minħabba li l-ħafna xogħol li qiegħed joħloq Gvern Laburista.
Il-Kap Nazzjonalista qal li hu jrid pajjiż ġust u ma jridx ħaddiema jorqdu fl-istalel tal-annimali jew żewġ ħaddiema li jorqdu fuq l-istess sodda.
Dr Grech semma li kien hu li waqqaf il-liġi tal-abort milli tidħol fil-pajjiż. Hu qal li hu jaċċetta biss li dan isir jekk il-ħajja tal-omm tkun fil-periklu – eżatt kif qiegħed jipproponi l-Gvern.
Fid-diskors tiegħu Bernard Grech irrefera għal kawża tal-Isptarijiet u qal li Robert Abela għandu jirritona l-flus lil ġew misruqa. Il-Kap Nazzjonalista għamel din “ir-rebħa” tiegħu, iżda qabel ma beda d-diskors tiegħu fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista kien hemm jitkellem l-eks-Kap Adrian Delia fejn mill-ġdid sostna li dik “ir-rebħa” għamilha waħdu.
Dr Grech qal li wieħed jista’ jara banner li jirringrazzja lil Adrian Delia ta’ din il-kawża, iżda imbgħad reġa’ tenna li kien il-Partit Nazzjonalista li għamel “rebħa”.
Hu kompla jattakka lill-korp tal-Pulizija u anke lill-Avukat Ġenerali li skont hu m’għamlu xejn fir-rigward ta’ Joseph Muscat.
Dr Grech qal li fl-elezzjoni li għaddiet tela’ fil-Parlament Robert Abela filwaqt li b’mod skarkastiku qal lil udjenza li kellu quddiemu biex ma jgħajjrux lill-Prim Ministru “għax taħt Gvern Nazzjonalista ma ħax direct orders”.
Ikkritika wkoll lil PBS li skont hu mhux qiegħed jagħti vuċi lill-Partit Nazzjonalista.
Sostna li jkellmuh ħafna nies li jinsabu mdejqa. Qal li eluf kbar ta’ persuni fl-aħħar elezzjoni baqgħu d-dar u ma vvotawx għax m’għandhomx fiduċja fil-Partit Laburista… iżda lanqas qalbu l-vot u vvotaw lil Partit Nazzjonalista.
Hu rrefera wkoll għal arrest li sar ta’ żagħżugħ li kien qed iwaħħal kartellun ta’ Jean Paul Sofia. Minkejja li l-korp tal-Pulizija ċaħda kemm-il darba li l-arrest ma seħħx minħabba dan, xorta waħda Bernard Grech baqa’ jsostni li dan l-arrest sar minħabba l-kartellun. Kien hawn li l-Kap Nazzjonalista qal li Robert Abela hu mdawwar bil-ħnieżer filwaqt li l-Kummissarju tal-Pulizija hu rieqed u l-Avukat Ġenerali b’idejha marbuta.
Hu qal li meta l-Partit Nazzjonalista se jkun fil-Gvern se jerġa’ jagħmel kif għamel meta kien fil-Gvern fil-passat.
Sostna li se jibqa’ jniżżel in-nies fit-toroq u fil-pjazez biex b’hekk il-Partit Nazzjonalista jkun il-vuċi tal-poplu.
Minkejja li għamel diskors mimli tajjir lejn kull min ma jaqbilx mal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qal li ma jridx politika ta’ tirbaliżmu u ta’ tgħajjir. Hu qal li l-PN irid jilqa’ lil ħomor u anke lil ħodor biex jiġi assigura futur aħjar lill-ħaddiema kollha Maltin u Għawdin.
Nardu l grieg ma jafx xini rifuzjoni ta taxxa GHAX QATT MA HALLAS TAXXA.Ir rufuzjoni tat taxxa kienu jiehduwa il ministri u segretarji parlamentari meta hadu€601.16 ghax tant kienu rejba li anke hadu l €1.16 zieda li taw lill haddiema.