Monday, April 13, 2026

GVERN IMPENJAT LI JSAĦĦAĦ IS-SETTUR AGRIKOLU

Aqra wkoll

Il-bdiewa f’Malta huma ġawhra vera ta’ pajjiżna. Huma jaħdmu b’tant dedikazzjoni kbira u xogħol bla waqfien. Minkejja d-diversi sfidi, il-bidwi Malti jibqa’ jaħdem b’qalb kbira biex jipprovdi ikel frisk u ta’ kwalità għall-komunità kollha.

Il-ħidma tagħhom mhijiex biss xogħol, imma vokazzjoni li teħtieġ paċenzja, kura u imħabba kbira lejn in-natura. Grazzi għall-bdiewa tagħna, il-kampanja Maltija tibqa’ sabiħa u produttiva. Dan rajnieh b’għajnejna waqt Festa frawli fl-Imġarr, li għal sena oħra kellha konkorrenza mill-isbaħ mill-pubbliku. 

Festa Frawli mhix biss festa li tinvolvi l-ikel, iżda wkoll opportunità biex ilkoll kemm aħna napprezzaw il-ħidma tal-bdiewa Maltin. Quddiem dan kollu ma nistgħux ma nsemmux ħidmet il-Gvern. Il-Gvern qed ikompli jsaħħaħ l-impenn tiegħu lejn il-futur tas-settur agrikolu permezz ta’ skema mmirata biex tappoġġja lill-bdiewa żgħażagħ u tħeġġeġ aktar żgħażagħ jidħlu fil-biedja permezz ta’ opportunitajiet konkreti u sostenn finanzjarju sostanzjali, liema skema qed tħalli impatt dirett fuq il-ħajja taż-żgħażagħ li qed jagħżlu l-biedja bħala karriera u investiment għall-futur. Eżempju konkret ta’ kif il-politika agrikola qed tissarraf f’opportunitajiet reali fil-komunitajiet rurali.

Minbarra dan kollu, ma nistgħux ninsew l-għajnuna mħabbra wara l-maltempata Harry li seħħet f’pajjiżna, liema maltempata affetwat u għamlet diversi ħsarat fosthom fil-biedja u fl-agrikoltura. Minħabba f’hekk, il-Gvern bħalissa għaddej bi proċess ta’ evalwazzjoni tat-talbiet li tressqu għall-għajnuna minn dawn is-setturi. Il-Gvern qed ikompli wkoll jsaħħaħ l-impenn tiegħu lejn is-settur agrikolu b’mod aktar trasparenti, innovattiv u sostenibbli permezz tal-proġett SMART Food, inizjattiva bejn Malta u l-Italja taħt il-programm Interreg.

Il-proġett SMART Food għandu l-għan li jġib flimkien Maltin u Sqallin biex jiżviluppaw pjattaforma moderna li tuża l-Intelliġenza Artifiċjali u t-teknoloġija tal-Blockchain sabiex tipprovdi informazzjoni f’ħin reali dwar il-vjaġġ tal-prodotti tal-ikel, mill-produzzjoni sal-konsumatur finali. Din l-inizjattiva qed twieġeb għal domanda dejjem tikber minn konsumaturi li jridu jkunu jafu aktar dwar l-oriġini, is-sigurtà u s-sostenibbiltà tal-ikel li jikkunsmaw. Fl-istess waqt, qed tappoġġja lill-bdiewa, lill-produtturi u lill-operaturi biex jadottaw prattiċi aktar effiċjenti u kompetittivi.

Nemmnu li l-Gvern Malti se jkompli bil-ħidma tiegħu biex jassisti lil dan is-settur. Nemmnu dan għax il-qawl Malti jgħid;“Min jaħdem l-art, ma jmutx bil-ġuħ.” Dan ifisser li x-xogħol tal-bidwi hu importanti ħafna u dejjem se jibqa’ meħtieġ għall-ħajja tagħna ta’ kuljum.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport