Sunday, December 22, 2024

Gvern Ingliż jikkunsidra li jipprojbixxi t-tipjip f’postijiet anki barra

Aqra wkoll

Il-ministri fil-gvern tar-Renju Unit qed jikkunsidraw restrizzjonijiet aktar stretti fuq it-tipjip barra bħala parti minn ħidma biex it-tipjip tat-tabakk jitneħħa gradwalment. It-tipjip jista’ jiġi pprojbit fil-ġonna tal-pubs, ristoranti fil-beraħ, barra sptarijiet u kumplessi sportivi.

Il-miżuri qed jiġu proposti bħala parti minn verżjoni msaħħa tal-Abbozz ta’ Liġi tat-Tabakk u l-Vapes tal-gvern preċedenti, li jipprojbixxi l-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk lil kull min twieled f’Jannar tal-2009 jew wara.

Dak l-Abbozz ta’ Liġi ġie introdott fil-Parlament iżda kien ġie annullat ladarba issejħet l-elezzjoni ġenerali.

Fid-Diskors mit-Tron fil-ftuħ statali tal-Parlament ix-xahar li għadda, ir-Re Karlu III, wiegħed li jerġa’ jdaħħal leġiżlazzjoni biex tiżdied progressivament l-età li fiha n-nies jistgħu jixtru s-sigaretti.

Il-gazzetta The Sun qalet li dokumenti kunfidenzjali ta’ Whitehall ikkonfermaw il-pjan biex tiġi estiża l-projbizzjoni tat-tipjip fuq ġewwa minkejja xi oppożizzjoni fi ħdan il-gvern.

Id-Dipartiment tas-Saħħa u l-Kura Soċjali ma kkummentax dwar dak li ġie żvelat minn The Sun iżda qal li kien qed jikkunsidra firxa ta ‘miżuri biex finalment jagħmel lill-Gran Brittanja ħielsa mit-tipjip.

Kelliem għad-Dipartiment qal li t-tipjip qed jeqred il-ħajja ta 80,000 persuna fis-sena u dan mhux biss ipoġġi pressjoni kbira fuq l-iskema nazzjonali tas-saħħa iżda wkoll jiswa biljuni lil min iħallas it-taxxa.

“Aħna determinati li nipproteġu lit-tfal u lil dawk li ma jpejpux mill-ħsara tat-tipjip passiv. Qed nikkunsidraw firxa ta’ miżuri biex fl-aħħar il-Gran Brittanja tkun ħielsa mit-tipjip.” sostna dan il-kelliem.

Lord Stewart Wood, eks konsulent fil-gvern Laburista ta’ Gordon Brown, qal li hemm differenza bejn tipjip barra waqt il-mixi fil-foresta u t-tipjip barra fejn hemm gruppi kbar ta’ nies, partikolarment tfal, ikkonċentrati, bħal ristoranti, ġonna tal-pubs, u bħal logħbiet tal-futbol.

Iżda l-eks konsulent speċjali tal-gvern Konservattiv, Anita Boateng qalet li dawn il-miżuri jinħassu bħala pass drakonjan ħafna minn nies adulti li jistgħu jieħdu deċiżjonijiet u li jistgħu jpejpu legalment.

Aktar kmieni dis-sena, meta kien għadu Prim Ministru Rishi Sunak kien stabbilixxa pjanijiet biex joħloq “ġenerazzjoni mingħajr duħħan” u jnaqqas in-numru ta ‘mwiet relatati mat-tipjip.

Iżda l-Abbozz ta’ Liġi tat-Tabakk u l-Vapes li kien ippreżenta fil-parlament kien twaqqa’ wara li sejjaħ l-elezzjoni ġenerali f’Mejju.

Kieku dakinhar l-abbozz sar liġi, il-bejgħ tat-tabakk lil kull min twieled wara l-1 ta’ Jannar 2009 kien isir illegali.

Ekonomija

Sport