Waqt li kien qed jipparteċipa f’diskussjoni waqt ‘Start-up Café’, organizzata mill-Malta Enterprise, il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri spjega li permezz tal-Baġit 2021 bosta skemi ta’ għajnuna mmirati lejn start-ups ġew imtejba u msaħħa sabiex joffru protezzjoni u dawn ikunu assistiti aħjar meta jimplimentaw il-proġetti tagħhom.
“Start-ups għandhom rwol kruċjali fit-tkabbir tal-ekonomija tagħna. Dan huwa ż-żmien li nipprovdu l-għodda ideali biex in-negozji l-ġodda jibdew il-vjaġġ tagħhom, kemm fuq livell lokali kif ukoll biex inkomplu bl-isforzi tagħna biex nattiraw dawk internazzjonali. Għalhekk, l-Iskema Start-up Finance u l-Business Start Scheme ġew imsaħħa b’żewġ għanijiet f’moħħna: biex jinkoraġġixxu aktar start-ups diġà eżistenti biex jersqu u jippreżentaw il-pjanijiet solidi tagħhom lill-Malta Enterprise, kif ukoll sabiex isaħħu oħrajn ġodda. Minbarra hekk, permezz tal-Baġit 2021 ġie mħabbar Venture Capital immirat sabiex isaħħaħ il-komunità tal-istart-ups ta’ Malta”, qal il-Ministru Schembri.
Il-ministru żied jgħid li l-għan tal-gvern huwa li jipprovdi ekosistema b’saħħitha biex negozji ġodda jiffjorixxu kif ukoll biex Malta ssir ċentru għall-istart-ups. “B’hekk, aktar kmieni dan ix-xahar ħabbarna l-programm ta’ investiment ta’ €470 miljun fl-infrastruttura industrijali li jinkludi ċ-Ċentru ta’ Inkubazzjoni tan-Negozju ta’ €15-il miljun. Fuq medda ta’ 10,000 metru kwadru, dan l-investiment se joħloq spazju ġdid għal negozji ġodda u negozji żgħar”, qal Silvio Schembri.
Il-miżura inizjali għall-istart-ups amministrati mill-Malta Enterprise hija l-Business Start (B Start). Din hija mmirata lejn kumpaniji jew individwi li jinsabu fi stadju aktar bikri u li qed ifittxu pjattaformi aktar b’saħħithom biex l-intrapriża tagħhom tikber. Bħalissa din l-iskema għandha limitu ta’ €25,000 madankollu l-pjan għal din il-miżura huwa li tikber mill-2021. Dan għandu jżid il-limitu ta’ assistenza u jinkludi azzjonijiet diretti biex jgħinu lil dawk in-negozji li diġà għandhom pjan ta’ negozju iżda wkoll dawk li huma fil-parti inizjali.
L-Iskema Start-up Finance hija avvanz li jitħallas lura mmirat li jappoġġja start-ups li juru kunċett ta’ negozju vijabbli u li juru mpenn li jespandu u jiżviluppaw aktar l-attività ekonomika tagħhom. Permezz ta’ din l-iskema, il-Malta Enterprise tista’ tipprovdi appoġġ finanzjarju li jlaħħaq l-€400,000 li jista’ jiżdied għal €800,000 jekk l-istart-up tkun Intrapriża Innovattiva. Sa €400,000 mill-għajnuna sħiħa jistgħu jsiru disponibbli biex ikopru l-ispejjeż operattivi.
‘Startup Café’ huwa avveniment annwali organizzat mill-Malta Enterprise bħala parti mill-SME Week. L-edizzjoni onlajn ta’ din is-sena nqasmet fuq tlett ijiem konsekuttivi bit-tema tad-diskussjoni: ‘Location – Synergies –Funding ’. Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia indirizza t-tieni panel ta’ diskussjoni nhar il-Ħamis li ffoka fuq sinerġiji bejn start-ups, l-akkademja u l-industrija. Huwa enfasizza l-ħtieġa li l-edukazzjoni intraprenditorjali ssir disponibbli b’mod aktar kmieni fil-vjaġġ akkademiku tal-istudenti tagħna. “Għandna ndaħħlu mentalità intraprenditorjali minn età żgħira ħafna. Nemmen li rridu nħejju mill-ġdid is-sistema edukattiva tagħna biex niżguraw li l-istudenti tagħna jkunu mgħammra tajjeb b’kapaċitajiet intraprenditorjali.”
Intant, CEOs ta’ negozji bbażati f’Malta qasmu l-esperjenzi tagħhom stess li wassluhom fejn jinsabu llum sabiex jinkoraġġixxu intraprendituri żgħażagħ biex jagħmlu dik il-qabża ‘l quddiem u jibdlu l-ideat tagħhom f’intrapriżi.