Gvern Laburista ilu għal dawn l-aħħar snin jgħin lill-familji u n-negozji biex jindirizza l-għoli tal-ħajja b’miżuri intiżi li jibqa’ iktar flus fil-bwiet tan-nies, u dejjem żamm b’konsistenza fil-politika tal-inċentiv.
Partit Laburista fil-Gvern qed iwettaq dak li wiegħed, u jmur lil hinn minn hekk, tant li Budget wara l-ieħor qed isaħħaħ l-għajnuna soċjali u s-sussidji fuq l-enerġija u ċ-ċerali sabiex jerfa’ l-piż hu, flok jitfgħu fuq in-nies, kif kien jagħmel Partit Nazzjonalista fil-Gvern qabel l-2013.
Bl-għajnuniet mogħtija mill-Gvern minn żmien il-Covid sal-lum, il-familji u n-negozji kellhom stabbilità fil-prezz tal-enerġija, b’sussidju li f’5 snin il-poplu ffranka mad-€930 miljun fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u fi spiża fuq il-petrol u d-diesel.
L-iskema Stabbiltà li ndirizzat l-inflazzjoni, il-benefiċċju addizzjonali għall-għoli tal-ħajja, l-ikbar tax cut fl-istorja, iż-żidiet fil-paga minima, l-iffirmar ta’ madwar 50 ftehim kollettiv settorjali fi 3 snin li minnhom ibbenefikaw iktar minn 29,000 ħaddiema, kif ukoll il-ftehim kollettiv għall-ħaddiema kollha taċ-ċivil, huma fost il-miżuri l-oħrajn li qed jibbenefikaw minnhom il-famlji biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Dan minbarra l-għadd ta’ bonuses li ngħataw lill-familji fosthom għat-twelid ta’ wild ġdid, fiċ-children’s allowance, fl-iskemi lill-first time buyers, żidiet fil-pensjonijiet 10 snin fuq xulxin, lill-familji ta’ tfal b’diżabilità, u trasport pubbliku b’xejn.
Bil-proposti riċiklati li qed jelenka fl-istqarrija tal-lum, il-Partit Nazzjonalista qed jinsa li bl-għajnuna li qed jagħti Gvern Laburista, in-negozji għandhom id-doppju tal-ammont li qed jgħid li se jagħti l-Partit Nazzjonalista jekk ikun qed imexxi pajjiżna, filwaqt li fl-għajnuna lill-ħaddiema, dak li qed jagħti l-Gvern bħalissa f’sena, il-Partit Nazzjonalista kieku jdum erba’ snin biex jagħti żieda ekwivalenti lill-ħaddiema.
Il-Partit Nazzjonalista lanqas m’għandu kredibilità fuq din il-kwistjoni għax fil-mument tal-prova vvota kontra l-għajnuna għall-għoli tal-ħajja u l-iskemi soċjali b’rabta mal-Budget għal din is-sena. B’dak il-vot, il-Partit Nazzjonalista ma qabilx mal-investiment kbir tal-Gvern favur is-sussidji fuq il-prezz tal-enerġija u ried iċaħħad lin-nies mill-miżuri l-oħra kollha li qed ingawdu minnhom bħalissa biex il-pajjiż ikompli jindirizza din ir-realtà.
Il-Partit Nazzjonalista qed jipprova jagħti l-impressjoni qarrieqa li Gvern Laburista mhux jieħu bis-serjetà l-kwistjoni tal-għoli tal-ħajja, mentri n-nies jafu min verament huwa sensittiv u impenjat biex jindirizza r-realtajiet tan-nies.