F’konferenza tal-aħbarijiet id-Deputati Laburisti Edward Zammit Lewis u Amanda Spiteri Grech ħarġu l-kuntrast iż-żewġ partiti, bi Gvern Laburista ffukat u kommess biex ikompli jaħdem biex jiddefendi l-interessi u jindirizza l-ħtiġijiet tal-poplu, mentri Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni jinsab mifni bil-kaos, il-konfużjoni u l-firda fi ħdanu.
Edward Zammit Lewis tkellem dwar kif il-ħidma ma taqta’ xejn tal-Gvern, qed tħalli ħafna frott u sostna li dan huwa Gvern li jinċentiva lill-poplu, jippremja l-bżulija, u jinkoraġixxi lin-nies biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom.
Elenka lista ta’ miżuri soċjali li twettqu minn Gvern Laburista fosthom l-akbar tnaqqis fit-taxxa, żidiet fil-pensjonijiet u ċ-Children’s Allowance, s-sussidju fuq l-enerġija, l-fjuwils u ċ-ċereali, ż-żidiet fil-paga minima u t-tisħiħ fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema ewlenin fosthom bl-iffirmar ta’ madwar 50 ftehim kollettiv settorjali u għall-ħaddiema kollha taċ-ċivil.
Sostna li pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja tal-pajjiż, l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea, investiment dirett barrani bla preċedent, u l-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej fl-istorja. Żied jgħid li Gvern Laburista jinsab iffukat biex ikompli jinvesti fl-edukazzjoni u s-saħħa, fi proġetti ambjentali u infrastrutturali, u b’riformi li qed isiru f’oqsma bħas-saltna tad-dritt, il-ġudikatura, u s-settur tal-kostruzzjoni.
Amanda Spiteri Grech qalet li wara r-riżenja ta’ Bernard Grech, fi tnax-il sena, il-PN se jkollu l-ħames kap. Fuq l-għoli tal-ħajja, sostniet li l-PN qed jinsa li bl-għajnuna li qed jagħti Gvern Laburista, in-negozji għandhom id-doppju tal-ammont li qed iwiegħed li jagħti l-PN jekk ikun fil-Gvern; fl-għajnuna lill-ħaddiema, dak li qed jagħti Gvern Laburista bħalissa f’sena, il-PN fil-Gvern kieku jdum 4 snin biex jagħti żieda ekwivalenti lill-ħaddiema.
Semmiet kif il-PN m’għandu ebda kredibilità u fil-mument tal-prova jivvota kontra l-interessi u l-ħtiġijiet tan-nies, kif għamel per eżempju fil-vot għall-miżuri tal-Budget. Qalet li sena wara l-oħra, il-PN dejjem jivvota kontra l-Budget, u allura jfisser li l-PN irid iċaħħad lin-nies mill-benefiċċji soċjali, mit-tnaqqis fit-taxxa, mis-sussidji fuq l-enerġija u l-fjuwils, mill-proġetti infrastrutturali u ambjentali, mir-riformi meħtieġa f’setturi varji, mit-titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Spiteri Grech qalet li quddiem din is-sitwazzjoni, tikber ir-responsabilità tal-Gvern Laburista biex ikompli jkun it-tarka tan-nies u għalhekk se jibqa’ ffukat biex ikompli jindirizza l-isfidi u joħloq l-opportunitajiet filwaqt li jkompli jilħaq l-aspirazzjonijiet tan-nies.