Thursday, March 27, 2025

“Gvern Laburista jagħmel l-għażliet favur in-nies”- Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi

Aqra wkoll

Meta qed nimplimentaw il-Budget ta’ din is-sena, għandna 60% tal-miżuri tal-budget li huma meħuda mill-Manifest Elettorali. Filwaqt li l-Budget jagħti d-direzzjoni kif inkomplu mmexxu l-pajjiż ’il quddiem b’dawn il-miżuri qegħdin b’mod konkret inwettqu dak li wegħedna fil-Manifest Elettorali ta’ tliet snin ilu.

Dan intqal mill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi meta fil-Parlament kien qed iwieġeb mistoqsija supplimentari li saritlu mill-Whip tal-Gvern Naomi Cachia fis-seduta Parlamentari tat-Tlieta.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi tkellem ukoll fid-dibattitu Parlamentari dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Budget u saħaq li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kontinwament qed ittambar li trid bidla fil-mudell ekonomiku tal-pajjiż mingħajr biss ma tgħid x’qegħda tipproponi. Huwa qal li n-nies bir-raġun qed isaqsu jekk bil-bidla fil-mudell ekonomiku ikunx ifisser li l-pajjiż imur lura għal dak ta’ qabel l-2013 meta kulħadd kien jitkellem fuq kontijiet. Huwa fakkar li anke fl-għażliet li qed jagħmel bħalissa l-Partit Nazzjonalista għal dawk li huma strutturi interni tiegħu qed jikkonfermaw li jridu jmorru lura għal żmien GonziPN, u allura għall-mudell ekonomika ta’ dak iż-żmien.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi stqarr li miżuri soċjali li ttieħdu fl-aħħar tnax-il sena, qatt ma ttieħdu minn amministrazzjoni nazzjonalista skont il-mudell ekonomika tagħha ta’ qabel l-2013. Huwa qal li l-budget li qed nimplimentaw din is-sena jikkonferma li kull meta Gvern Laburista jiġi biex jagħmel l-għażliet, ikun dejjem fuq in-naħa tan-nies.

Il-Ministru żied jgħid li meta d-deputati parlamentari jiltaqgħu man-nies fi djarhom jisimgħu minn għandhom kif il-pensjonijiet taħt Gvernijiet Laburisti baqgħu jiżdiedu sena wara l-oħra mhux bħal ma kien jiġri qabel. L-istess għaċ-childrens’ allowances, li żdiedu sena wara l-oħra. 

Huwa tkellem dwar is-suċċess ekonomiku tal-Gvern u ċ-ċertifikati pożittivi li qed jirċievi mingħand l-aqwa istituzzjonijiet tal-kreditu internazzjonali. Il-pajjiż għandu dan l-għarfien internazzjonali mhux biss għal fejn tinsab l-ekonomija tagħna llum imma anke għal dawk li l-istess istituzzjonijiet qed jipprospettaw għall-ekonomija Maltija fil-ġejjieni.

Dawn huwa Gvern, saħaq il-Ministru Zrinzo Azzopardi li fl-aħħar 12-il sena kiseb suċċess ekonomiku wara l-ieħor, rekord ta’ ħolqien tax-xogħol, il-qagħad spiċċa, b’kuntrast mal-mudell ekonomiku ta’ GonziPN li taħtu kellna rekord ta’ qagħad, rekord ta’ nies ifittxu x-xogħol u Prim Ministru li ġie fil-Parlament u jgħid li se jivvota bil-qalb biex jogħlew il-kontijiet.

Fid-diskors tiegħu l-Ministru Zrinzo Azzopardi tkellem ukoll dwar ix-xogħol li qed iwettqu d-diversi entitajiet fid-dekasteru tiegħu biex jimplimentaw il-budget ta’ din is-sena. Semma ir-riforma li għaddejja għas-Sistema tar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet li għandha l-għan li sas-sena 2035, it-territorju Malti u Għawdxi kollu jkun żona ta’ reġistrazzjoni obbligatorja. Huwa radd ħajr lil dawk kollha li taw il-kontribut tagħhom waqt il-perjodu tal-konsultazzjoni pubblika u saħaq li din ir-riforma trid isseħħ bil-koperazzjoni ta’ kulħadd. Huwa qal li fiż-żmien li ġej se jingħataw dettalji dwar kif se tibda titħaddem sistema diġitali ġdida fir-Reġistru tal-Artijiet.

Tkellem ukoll dwar l-Awtorità tal-Artijiet u qal li din is-sena l-Gvern se jkun qed jara x’interventi leġislattivi hemm bżonn biex, wara esperjenza ta’ tmien snin kemm ilha teżisti din l-Awtorità, isir l-istrutturar li hemm bżonn ħalli ssir waħda li taħdem b’aktar effiċjenza. Se tkompli tingħata importanza lejn il-qalba diġitali ta’ din l-Awtorita li diġa qed tiskenja l-files kollha tagħha u l-applikazzjonijiet għas-servizzi tal-Awtorita huma kollha online.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport