Il-Budget 2026 hu wieħed mill-aqwa fl-istorja ta’ pajjiżna, b’miżuri konkreti għall-familji u l-anzjani li jkomplu jixhdu l-prinċipji ta’ ġustizzja soċjali li jħaddan Partit Laburista fil-Gvern.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea u mill-Kap Ezekuttiv tal-Partit Laburista, Leonid McKay, ġew imfissra l-miżuri li se jkomplu jsaħħu l-appoġġ li l-Gvern qed jagħti lill-familji u lill-anzjani Maltin u Għawdxin.
Agius Galea spjega kif dan il-baġit qed jinvesti fl-anzjani, ewlenin fosthom billi se jingħataw żieda ta’ €10 fil-ġimgħa fil-pensjoni, miżura li se tolqot aktar minn 100,000 pensjonant; u hija d-doppju tal-COLA. Fisser kif mal-45,000 anzjan li jgħixu d-dar jew mal-familja se jaraw l-għotja li jieħdu tiżdied b’€75. Se tiżdied l-għotja lil dawk li jimpjegaw carer full-time, filwaqt li l-paga tal-Home Help se tiżdied għal €10 fis-siegħa.
Is-Segretarju Parlamentari spjega wkoll kif se jinbidlu r-regoli biex koppji li t-tnejn jinsabu fid-djar tal-anzjani jibqagħlhom iktar flus fil-but hekk kif se tinżel il-kontribuzzjoni li kienu jagħtu s’issa. Semma wkoll l-estensjoni għall-għajnuna ta’ sodod motorizzati għal tagħmir mediku ieħor u se tissaħħaħ l-Empowerment Scheme. Temm jgħid li dawn il-miżuri se jkomplu jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies.
Min-naħa tiegħu, Leonid McKay sostna li l-miżuri soċjali f’dan il-Budget jammontaw f’€120 miljun, li se jkomplu jappoġġjaw lill-familji u lit-tfal. Fakkar li l-Children’s Allowance se tkompli tiżdied għall-familji, li issa se jibdew jibbenefikaw ukoll mill-parent rate, miżura li se tnaqqas it-taxxa għal eluf ta’ familji. Barra minn hekk, il-benefiċċju in-work se jiżdied b’€75 għal kull wild, filwaqt li dawk li għandhom it-tfal f’livell post-sekondarju jew terzjarju se jirċievu €500 oħra għal kull wild, minbarra l-istipendju.
McKay irrefera wkoll għaż-żieda fil-carers’ grant u appoġġ akbar għall-ġenituri ta’ tfal b’diżabilità, kif ukoll investiment kontinwu fl-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, fosthom il-bini ta’ 260 dar ġdida bi prezzijiet 30% inqas mis-suq, l-estensjoni tal-iskemi bħal Nikru biex Nassistu, il-ħlas ta’ 10% depożitu fuq il-loan tad-dar, l-istallazjonijiet tal-liftijiet u l-iskema tal-equity sharing.
Il-kelliema qalu li filwaqt li pajjiżi oħrajn qed inaqqsu l-miżuri soċjali mill-Budgets tagħhom, għal sena oħra Gvern Laburista qed iżid in-nefqa soċjali biex ikomplu jkun ta’ sostenn għan-nies u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.



