Kif ħabbar il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, il-Gvern ilbieraħ fil-Parlament, ressaq l-ewwel qari tal-emendi kostituzzjonali li għandhom l-għan li jkomplu jsaħħu l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna u fuq kollox jiżguraw li “l-proċess tal-ħatra tal-Prim Imħallef ma jibqax għodda ta’ rikatt jew tentattivi ta’ paralisi istituzzjonali.”
Il-Partit Laburista fi stqarrija qal li “dan il-pass jikkonferma dak li ilhom jisħqu fuqu l-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, u li fl-aħħar jiem il-Kap tal-Oppożizzjoni spiċċa qabel mal-Gvern, jiġifieri li hemm bżonn l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu anti-deadlock.”
“Din hija xhieda tal-inkonsistenza tal-Oppożizzjoni u għaldaqstant il-Partit Laburista se jibqa’ determinat li jressaq riformi li jsaħħu d-demokrazija u jassiguraw li l-istituzzjonijiet jaħdmu fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi kollu,” qal il-Partit Laburista.



