Gvern Laburista huwa l-unika garanzija tal-poplu Malti u Għawdxi li joħloq il-ġid u jużah bil-għaqal biex iwieżen lill-familji, ħaddiema, anzjani, żgħażagħ u negozji, fosthom biex jindirizza r-realtajiet li jiffaċċjaw, bħal fil-każ tal-għoli tal-ħajja.
Dan għal kuntrarju ta’ Partit Nazzjonalista li mhux biss baqa’ ċass għall-għoli tal-ħajja talli tkellem kontra inizjattivi li ħa Gvern Laburista favur il-familji. Bernard Grech huwa kontra s-sussidju fuq l-enerġija, ħareġ kontra l-inizjattiva Stabbiltà u huwa favur l-awsterità – “jogħla barra u allura jogħla f’pajjiżna wkoll”, kien saħaq.
L-għajnuna li ngħatat u għadha qed tingħata mill-Gvern hija evidenti b’għadd ta’ miżuri oħra fosthom il-benefiċċju addizzjonali għall-għoli tal-ħajja, l-ikbar tax cut fl-istorja, iż-żidiet fil-paga minima nazzjonali, l-iffirmar ta’ għexieren ta’ ftehimiet kollettivi għall-ħaddiema taċ-ċivil u ftehimiet kollettivi settorjali, kif ukoll iż-żidiet fil-pensjonijiet u fiċ-Children’s Allowance.
Dawn l-għajnuniet kollha qed jibbenefikaw minnhom il-Maltin u l-Għawdxin grazzi għall-Gvern li mhux biss qed iwettaq dak li wiegħed, iżda mar lil hinn minn hekk, u saħansitra Budget wara l-ieħor kompla jżid il-miżuri biex jibqa’ iktar flus fil-bwiet tan-nies.
Bl-għajnuna li qed jagħti l-Gvern, in-negozji għandhom id-doppju tal-ammont li qed jgħid li se jagħti l-Partit Nazzjonalista jekk ikun fil-Gvern. Id-differenza toħroġ ukoll fl-għajnuna lill-ħaddiema, għax dak li qed jagħti l-Gvern Laburista f’sena, il-Partit Nazzjonalista kieku jdum erba’ snin sabiex jagħti żieda ekwivalenti lill-ħaddiema.
In-nies jafu li Gvern Laburista verament għandu s-soluzzjonijiet għall-għoli tal-ħajja, u li l-Partit Nazzjonalista mhux kredibbli jitkellem fuq l-għoli tal-ħajja għax meta ġie fil-mument tal-prova, ivvota wkoll kontra l-aktar Budget soċjali.