Sunday, October 12, 2025

Gvern Laburista qed joħloq karrieri ta’ kwalità għaż-żgħażagħ fis-settur tal-ekonomija diġitali

Aqra wkoll

Delegazzjoni tal-Partit Laburista mmexxija mill-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela żaret il-Playcon, l-expo ewlenija tal-esports u l-video game development, li hija vetrina ta’ din in-niċċa ekonomika ġdida, li ħoloq Gvern Laburista fl-2019.

Mal-Prim Ministru, f’din iż-żjara, kien hemm id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Alex Agius Saliba, il-Kap Eżekuttiv Leonid McKay u s-Segretarja tal-Eżekuttiv Nazzjonali Catherine Fenech, li ltaqgħu mal-esebituri, kif ukoll bosta familji u żgħażagħ li kkonkorrew bi ħġarhom għal din il-5 edizzjoni tal-Playcon.

Processed with VSCO with g6 preset

Il-Prim Ministru qal li dan huwa settur li jinkwadra fil-politika ta’ Gvern Laburista bil-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Żied jgħid li matul is-snin li għaddew sar investiment kontinwu u taħriġ speċjalizzat biex jiġu attirati iktar studenti lejn karrieri f’dan is-settur.

Id-Deputat Mexxej innota l-ammont kbir ta’ studenti Universitarji u tal-MCAST li żaru l-Playcon u setgħu jaraw x’toffri din l-industrija. Irrefera għall-eżempju ta’ żewġ żgħażagħ Maltin li minn idea li kellhom illum qed imexxu waħda mill-ikbar kumpaniji tal-esport u l-video game development f’pajjiżna.

Partit Laburista fil-Gvern emmen mill-ewwel f’dan is-settur u se jkompli jimpenja ruħu biex jinħolqu iktar opportunitajiet fl-edukazzjoni u għan-negozji. F’dawn il-5 ijiem, mat-30,000 ruħ żaru l-Playcon, avveniment li qed ipoġġi lil Malta fuq il-mappa bħala ċentru strateġiku għall-ekonomija diġitali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport