Sunday, November 9, 2025

Gvern Laburista se jibqa’ jkun ta’ sostenn soċjali għal Maltin u l-Għawdxin – Il-Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal li bil-Budget li għadu kif tħabbar għas-sena d-dieħla, il-pensjonanti se jingħataw il-11-il żieda fil-pensjoni sena wara l-oħra.  Meta kien qed jindirizza attività politika f’Ħal Għaxaq, Dr Abela qal li b’din is-sena biss il-pensjonanti bejniethom se jingħataw mal-€100 miljun.  Sostna li l-Partit Laburista fil-Gvern qed jagħmel ġustizzja għat-taħwid li ħalla ħaddieħor, billi qed jissewwew l-inġustizzji ta’ eluf ta’ pensjonanti  li twieldu qabel l-1962 u kienu qed jiġu diskriminati. 

 Tkellem ukoll dwar iż-żiediet li qed jieħdu l-ħaddiema u l-familji, bl-ikbar tax cut li bdew igawdu minnha minn din is-sena.  Semma kif mis-sena d-dieħla se jiżdied it-tnaqqis fit-taxxa permezz tal-parent rate għall-ġenituri b’wild wieħed, tnejn jew iktar.  Dr Abela qal li minbarra dawn il-miżuri, qed jitqassmu ċ-ċekkijiet lill-ħaddiema f’dawn il-jiem, b’għotja li tammonta bejn €60 u €140, li ilha tingħata 8 snin, u matul dan iż-żmien kollu b’mod totali tqassmu €158 miljun.

 Il-Prim Ministqu rrefera għad-deċiżjoni tat-tribunal tal-arbitraġġ (ICC) dwar il-każ ta’ Steward, u qal li issa din hija gidba ċertifikata, għax ma kien hemm ebda €400 miljun li Steward ħarbu bihom kif kien qed jgħid il-Partit Nazzjonalista.  Fisser li għal kull ċenteżmu li ħallas il-Gvern ingħata servizzi tas-saħħa minn Steward.  Żied jgħid li t-tribunal laqa’ d-difiża tal-Gvern u ċaħad it-talba ta’ Steward li titħallas is-somma ta’ €148 miljun.

Gvern Laburista se jagħti lura lin-nies il-White Rocks

Irrefera wkoll għall-interruzzjonijiet li kien hemm waqt id-diskors tiegħu fil-Parlament iktar kmieni din il-ġimgħa meta kien qed jitkellem dwar il-Budget 2026, b’Dr Abela jgħid li ħaddieħor jirrikorri għan-negattiviżmu, mentri Gvern Laburista jwieġeb b’aktar inizjattivi u proġetti bħalma se jagħti lura lin-nies Manoel Island u l-White Rocks, żidiet lill-familji, lill-istudenti u lill-pensjonanti, kif ukoll b’iktar miżuri li se jkunu qed iħallu iktar flus fil-bwiet tan-nies. 

Il-Prim Ministru qal li fl-aħħar 5 snin kellna sfidi bla preċedent, bħall-pandemija, żewġ gwerer u bosta oħrajn li seħħew lil hinn minn xtutna.  Spjega kif minkejja dawn l-isfidi kollha, l-ekonomija tagħna baqgħet għaddejja b’ritmu li n-negozji qed ikomplu jespandu l-operat tagħhom u joħolqu l-impjiegi.  Qal li dan is-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna qed jirrendi f’ġid li qed jippermetti biex jitqassam b’mod ġust għand kulħadd, b’kuntrast ma’ pajjiżi oħrajn bħall-Ġermanja u r-Renju Unit li qed jaqtgħu l-benefiċċji soċjali mill-Budgets tagħhom. 

 Dr Abela temm jgħid li l-Gvern se jkompli jagħti sostenn soċjali u jinvesti fin-nies, b’iktar żidiet għall-familji, iż-żgħażagħ u l-pensjonanti fis-snin li ġejjin.  Qal li l-Gvern se jibqa’ jaħdem ta’ kuljum għall-fiduċja tal-poplu Malti u Għawdxin.  Temm jgħid li Partit Laburista fil-Gvern se jkompli jkun ta’ sostenn Budget wara l-ieħor għax b’familja b’saħħitha, hija garanzija għall-futur.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport