Waqt attività politika f’Kennedy Grove, fil-Park Nazzjonali tas-Salina, id-Deputat Prim Ministru Ian Borg sellem il-memorja ta’ Charlie Kirk, l-attivist Amerikan li nqatel din il-ġimgħa. Saħaq li l-intolleranza hija mibegħda li toħnoq u teqred il-ħajja, u appella biex pajjiżna jibqa’ jħaddan it-tolleranza u r-rispett.
Appella biex il-moviment li l-Partit Laburista beda qabel l-2013 jibqa’ moviment li jisma’, li jifhem it-tħassib u l-aspirazzjonijiet tal-poplu, u li jwettaq dak kollu meħtieġ biex Malta u Għawdex jibqgħu jimxu ‘l quddiem, mhux biss bil-progress ekonomiku, iżda fl-impenn lejn kwalità ta’ ħajja aħjar.
Dr Borg qal li ż-żmien irid jagħtina parir fuq il-Partit Nazzjonalista jekk hux se jibqa’ partit tal-istatus quo. Temm jgħid li b’umiltà, b’għaqda, b’tolleranza, nibqgħu nisimgħu, nibqgħu nifhmu, u nibqgħu nwettqu, għal futur aħjar, futur sabiħ għal pajjiżna.