Iż-żgħażagħ u t-tfal huma s-sinsla ta’ pajjiżna. Għandhom l-enerġija u l-ideat biex ikunu protagonisti fit-tfassil tal-Malta tal-lum u ta’ għada. Biex dan jintlaħaq, iż-żgħażagħ għandhom jingħataw rwol attiv fid-deċiżjonijiet ewlenin li jittieħdu. Fuq kollox, biex dan jintlaħaq, is-soċjetà trid tifhem aktar iż-żgħażagħ għaliex iż-żminijiet u ċ-ċirkustanzi inbidlu u hekk ukoll inbidlu l-bżonnijiet tagħhom.
Tassew, illum iż-żgħażagħ qed jaffaċċjaw ruħhom ma’ avvanzi ġodda fil-mod kif isir it-tagħlim; tibdil ekonomiku, żviluppi u ambjenti ġodda. Il-bidu ta’ dak li hu deskritt bħala r-Raba’ Rivoluzzjoni Industrijali qed iġibna aktar konxji ta’ x’inhuma l-isfidi u l-opportunitajiet li qed jiltaqgħu magħhom iż-żgħażagħ.
F’dan l-ambitu, il-Gvern qiegħed mhux biss jagħraf x’potenzjal għandhom kemm it-tfal kif ukoll iż-żgħażagħ imma jagħti widen għall-ħsibijiet u s-suġġerimenti tagħhom. Fost l-inizjattivi meħuda hemm il-Youth Advisory Forum, li jagħti vuċi akbar liż-żgħażagħ billi jingħataw iċ-ċans li jiddiskutu temi ta’ interess nazzjonali.
Imma l-ħidma ma waqfitx hemm. Dan l-aħħar ukoll tħabbar it-twaqqif tal-Young Shapers Forum, li hija inizjattiva ġdida li se tkun qed tara tfal ta’ bejn 11 u 15-il sena jingħataw spazju fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) sabiex iressqu l-ideat u l-opinjonijiet tagħhom dwar bosta temi differenti.
Fil-fehma tagħna, il-ħolqien ta’ dan il-forum joffri opportunità unika lil dawn it-tfal biex jgħidu tagħhom dwar il-pajjiż li jixtiequ jaraw fil-futur u anke biex jitgħallmu kif jitħaddem id-djalogu soċjali. U dan se jkunu qed isir ukoll bl-għajnuna tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal.
Nemmnu li dan kollu huwa necessarju biex noħolqu pajjiż fejn it-tfal u ż-żgħażagħ jibqgħu jkunu attivi u parteċipi, għaliex wara kollox, dak li jsir issa se jkunu qegħdin igawdu minnu l-ġenerazzjonijiet li ġejjin. L-istess qiegħed jiġri fil-proġetti ambjentali fejn il-Gvern qiegħed ukoll jikkonsulta mat-tfal u ż-żgħażagħ dwar x’jixtiequ li jsir f’dawn il-postijiet ta’ rikreazzjoni għalihom u għall-familji tagħhom.
Ma nistgħux għalhekk ma nfaħħrux il-ħidma tal-Gvern f’dan il-qasam, u filwaqt li bla dubju għad baqa’ xi jsir, il-passi li qegħdin jittieħdu huma kuraġġużi, deċiżivi u fid-direzzjoni t-tajba favur soċjetà li tirrikonoxxi bil-fatti r-rwol ċentrali tal-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ dawk li għad iridu jiġu.

