Saturday, December 21, 2024

GVERN LI JĦOSS IL-POLZ TAL-POPLU

Aqra wkoll

Miktub mill-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela


Il-ġimgħa li għaddiet kellna żewġ aħbarijiet pożittivi – żewġ aħbarijiet li juru biċ-ċar li qalb il-Gvern, u qalb il-Partit Laburista jinsabu fil-post it-tajjeb. Infatti, kien il-Prim Ministru stess li ħabbar li l-proġett tal-Marina ta’ Wied il-Għajn mhux ser isir. Kellna wkoll l-aħbar li l-iskola ta’ Marsaxlokk mhux ser tintmiss.

Kienu ħafna li kellmuni fuq dawn iż-żewġ proġetti. Għalkemm fuq il-proġett ta’ Marsaxlokk ma kontx tkellimt fil-pubbliku, fuq il-proġett ta’ Wied il-Għajn kont sħaqt li ser nagħmel l-almu tiegħi biex il-messaġġ tar-residenti, jiġifieri il-messaġġ biex il-marina ma ssirx, jasal fejn għandu jasal. Huwa ċar daqs il-kristall minn dak li ġara l-ġimgħa li għaddiet, li l-messaġġ wasal: kemm bi sforzi ta’ residenti u NGOs, imma wkoll b’ħafna ħidma minn wara l-kwinti.

Fir-rigward tal-proġett ta’ Marsaxlokk, kont tkellimt mal-awtoritajiet ikkonċeranti biex naraw li l-ġnien fl-iskola tant sabiħa ta’ Marsaxlokk jiġi priservat. Filwaqt li lkoll kemm aħna nifmhu l-bżonn ta’ ċentru ċiviku li għal-lokal ta’ Marsaxlokk, naħseb ilkoll naqblu li dan għandu jsir f’post aktar addattat: sabiex l-ambjent li għandna nippriservawħ. Għalhekk tajjeb li jinstab sit alternattiv. 

Naturalment, hekk kif kien imħabbar nhar it-tnejn tal-ġimgħa li għaddiet ukoll, hija proposta tal-Partit Laburista li naraw li b’investiment ta’ 700 miljun ewro, inkomplu ninvestu f’ġonna u parks pubbliċi. Għaliex tabilħaqq dawk li jgħixu f’żoni urbani għandu jkollhom aċċess għal spazji ħodor, f’dinja mimlija stress li qed issir aktar mgħaġġla kuljum.

Forsi fil-passat, ħafna kienu dawk li ħassew li bħala Partit iffukajna mhux ħażin fuq it-tkabbir ekonomiku u x-xogħol. Issa wara li assigurajna tkabbir ekonomiku u livelli baxxi ta’ qgħad mingħajr preċedent, wasal iż-żmien li niffukaw fuq tkabbir aktar sostenibbli. Tkabbir li jagħti valur ukoll lill-oqsma soċjali u ambjentali, daqs kemm jagħti valur lill-qasam ekonomiku.

Tabilħaqq, li dawn it-tlett setturi iridu jimxu ‘l quddiem id f’id. Ma nistgħux intejjbu l-ambjent askapitu tal-ekonomija, jew inkella l-ekonomija askapitu tal-ambjent. Jeħtieġ li t-triq ‘il quddiem tieħu kunsiderazzjoni ta’ kull settur partikolari, biex veru niżguraw futur sostenibbli għalina u għal uliedna. Minn dak li rajna l-ġimgħa li għaddiet, jidher biċ-ċar li kemm il-poplu nnifsu, imma wkoll li l-Partit Laburista, hekk jixtiequ li jsir fil-futur.

Inħarsu ‘l quddiem biex bħalma dejjem għamilna, inkomplu nservu x-xewqat kollha tal-poplu u l-elettorat, din id-darba b’mod aktar sostenibbli, fejn inkomplu ntejjbu l-kwalita’ tal-ħajja. 

Ekonomija

Sport