Fil-bidu ta’ Ottubru se jkun qed jiġi ppreżentat il-Budget 2026, li bħal budgets preċedenti, mistenni li jkompli jibni fuq ta’ dawk ta’ qablu, dejjem b’risq il-familji u n-negozji ta’ dawn il-gżejjer.
Dan hu li smajna sa issa. F’dan il-kuntest nifhmu li se jkun Budget ieħor mimli miżuri u benefiċċji li bla dubju, bħal snin oħra, se jsostnu lil dawk l-aktar vulnerabbli u li jinsabu fil-faxex t’isfel tas-soċjetà.
Mhux b’inqas lill-klassi medja, fejn anke f’dan ir-rigward nemmnu li l-għajnuna se tkun waħda sostanzjali, billi ebda taxxa m’hi se tiżdied.
Quddiem dan kolllu qed inkunu korretti li ngħidu li gvern immexxi mill-Partit Laburista huwa fil-veru sens il-leħen tas-soċjetà. Imma biex verament ikun il-leħen tas-soċjeta, l-ewwel irid jisma lis-soċjeta.
U meta qed ngħidu dan inkunu qed nirreferu għall-fatt illi l-Gvern għadu kif laqa’ t-talba tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista biex jestendi l-konsultazzjoni pubblika dwar il-proġett ambizzjuż Viżjoni 2050.
Viżjoni 2050 hija t-triq għat-tul għal kif pajjiżna jrid ikun minn issa sas-sena 2050, jiġifieri 25 sena oħra. Din il-Viżjoni, imnedija mill-Gvern kompliet tiġbed lejha interess qawwi matul ix-xhur tas-sajf permezz ta’ għexieren ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni u inizjattivi oħra li ġabu flimkien l-ideat għal Malta tal-futur.
Ma nistgħux ma’ nsemmux ukoll il-fatt li lbieraħ l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana ppreżenta d-dokument ta’ qabel il-Budget, dokument li jagħti ħarsa fiskali u ekonomiku ta’ kif mar pajjiżna fis-sena li għaddiet u x’hemm imħejji għas-sena d-dieħla.
Ix-xogħol u l-għaqal qed iwasslu biex il-pajjiż tagħna jibqa’ jterraq ‘il quddiem fl-oqsma ekonomiċi kollha, li huma l-mutur li mhux biss jiġġenera l-ġid imma wkoll li jtejjeb u jaħħaħ il-kwalita tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Fir-rigward tar-rata tad-dejn ta’ pajjiżna, ta’ 48.1%, huwa ferm inqas mit-88.0% fiż-Żona Ewro. Pajjiżna, fil-fatt, għandu l-11 l-inqas rata ta’ dejn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Id-dejn illum huwa biss sitt punti perċentwali iktar minn kemm kien l-inqas taħt Gvern Laburista. Il-Gvern mistenni li jibqa’ jaħdem biex dan id-dejn jonqos ħalli jekk jinqala’ l-bżonn, il-pajjiż ikun jista’ jilqa’ għall-eventwalitajiet futuri.
Nemmnu għalhekk li l-Budget li jmiss se jkun wieħed għaqli, li jkompli jwieżen liż-żgħir u lill-batut, li jkompli jattira lejn pajjiżna aktar investiment, li jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini bħa distinzjoni ta’ xejn. Dan huwa possibbli għaliex il-Gvern Laburista huwa wieħed li jisma’ u jwettaq.