Jekk hawn xi ħaġa li b’xi mod jew ieħor kulħadd jitkellem mod, min mod u min ieħor, hu l-ambjent. Tista’ tgħid li fil-pajjiż hawn qbil minn kulħadd bil-fomm li l-ambjent irridu nipproteġuh. Irridu nipproteġu l-art verġni tagħna biex ma tibqax tinqered, nipproteġu l-arja, il-kampanja u l-baħar tagħna.
Minkejja li llum m’hemm ebda dubju li b’differenza minn qabel, il-kuxjenza ambjentali fost il-poplu tagħna żdiedet bil-kbir, ir-realtà turi li xorta waħda aħna b’mod individwali ftit li tejn lesti nagħtu is-sehem tagħna. Il-mistoqsija hi ċara. Inti kemm int lest li b’mod individual tieħu miżuri biex tipproteġi l-ambjent? Kemm lesti tissaggrifika għall-ambjent? Kemm bdilt il-mentalità biex innaqqsu l-ħela u l-pressjoni fuq l-ambjent?
Nirrikonoxxu l-fatt li fid-dokument ta’ qabel il-Budget 2026, il-Gvern qiegħed jirrikomanda ekonomija newtrali għall-klima. Dan hekk kif pajjiżna qed ikompli jersaq lejn il-miri ta’ newtralità klimatika sas-sena 2050. Meta kkumparat ma’ pajjiżi oħra, pajjiżna huwa fost dawk bl-inqas rata ta’ emmissjonijiet ras għal ras fl-Unjoni Ewropea
Quddiem dan kollu, kull ma rridu nagħmlu hu li nħarsu madwarna u nistaqsu. Jien x’qed nagħeml biex verament nippreserva l-ambjent. X’qed nagħmel biex nara li nikkontribwixxi biex ma nħassarx l-ambjent?
Qegħdin ngħidu dan għax f’dan pajjiżna ittieħdet miżura li bla dubju kellha tgħin biex tnaqqas it-traffiku. Biex jonqsu l-emissjonijiet. Din hi dik ta’ trasport pubbliku b’xejn. Imma r-realtà hi li xorta għad għandek ħafna persuni u familji li jippreferu jużaw l-karozzi tagħhom. Jgħidulek li ma jridux jużaw tal-linja u għal dan iġibu kull skuża. Hi sfortuna li għandna ħafna Maltin li għadhom ma jridux jafu b’dan is-servizz. Iġibulek kull skuża bier ma jużawhx.
Sitwazzjoni li minħabba fiha spiss nispiċċaw b’toroq litteralment iġġammjati u problemi kbar ta’ parkeġġ. Dan meta għandna sistema ta’ trasport li twasslet f’kull parti tal-gżira u li għaliha m’hemmx ħlas.
Tista’ tgerger dwar it-tħassir tal-ambjent. Tista’ tgerger fuq il-konġestjonijiet tat-traffiku. Imma qabel tippona is-swaba jew issib l-iskużi, ħares lejk innifsek u ara x’qiegħed tagħmel.
L-istess fejn jidħol l-elettriku. Għandna elettriku li l-Gvern qiegħda jerfa’ l-piż u jissussidja. Dan ma jfissirx imma li naħlu u niġu naqgħu u nqumu mill-konsum. Jekk kulħadd jagħmel il-biċċa tiegħu u jnaqqas il-ħela fl-elettriku, mhux biss wieħed ikun qed jgħin l-ambjent imma anke jgawdi finanzjarjament il-pajjiż.
Anki fejn jidħol l-iskart. Kemm qegħdin naraw li nagħmlu sforz biex inaqqsu l-iskart. Biex nirriċiklaw materjal flok jintrema’. Kemm qegħdin naraw li nisseparaw l-iskart?
Nemmnu li lil hinn minn diskorsi dwar l-ambjent u l-protezzjoni, l-ewwel azzjoni irridu neħduha kull wieħed u waħda minnha. Dan billi nħarsu madwarna. Naraw kif qegħdin ngħixu. Naraw il-ħela. Naraw kif nistgħu verament nikkontribwixxu dak il-ftit tagħna. Il-ftit tal-ħafna jagħmel differenza kbira.