Wednesday, April 1, 2026

GVERN LI JKOMPLI JAĦDEM GĦAN-NIES

Aqra wkoll

Gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Robert Abela jinsab ffukat u kommess li jkompli jaħdem sabiex jiddefendi l-interessi u jindirizza l-ħtiġijiet tal-poplu. 

Dan kien espress bl-aktar mod ċar mill-Prim Ministru nnifsu fid-diskors tiegħu waqt iċ-ċelebrazzjoni Jum l-Ħelsien fejn tkellem mhux biss dwar il-kisbiet li għamel pajjiżna fl-aħħar snin imma wkoll ta ħarsa lejn dak li hemm imħejji għaż-żmien li ġej. 

Fuq quddiem nett tal-inizjattivi mħabbra hemm li l-Gvern se jniedi strateġija dwar l-enerġija għall-25 sena li ġejjin. Dan filwaqt li l-Parlament se jkun qed jiddiskuti liġi ġdida favur l-ugwaljanza u liġijiet oħra li jsaħħu l-awtonomija personali ta’ persuni b’diżabilità. B’dawn il-liġijiet, il-Gvern ikun f’pożizzjoni li jkun dejjem aktar it-tarka tal-individwu u biex f’pajjiżna jkollna soċjetà li twarrab kull forma ta’ diskriminazzjoni. 

Min-naħa l-oħra, ta’ min jinnota li lura fl-2012 pajjiżna kien jiġġenera inqas minn 3% tal-enerġija tiegħu minn sorsi rinnovabbli filwaqt li sal-2024, ir-rata ta’ enerġija ġġenerata minn sorsi rinovabbli kienet qabżet is-17%, bil-mira tal-Gvern hi li din ir-rata titla’ għal 25% tal-enerġija li jiġġenera l-pajjiż sal-2030.

Naturalment, biex ikunu jistgħu jinkisbu dawn ir-riżultati, ikun meħtieġ sforz kollettiv u impenn akbar li dak li qed ikun imwiegħed jitwettaq. U f’dan l-isfond nemmnu li l-Partit Laburista fil-Gvern, kif diġà wera f’dawn l-aħħar snin – fosthom bir-rata ta’ twettiq ta’ 82% tal-proposti fil-manifest elettorali “Malta Flimkien” f’din il-leġiżlatura – se jerġa’ jara li l-miżuri u l-miri li għandu għas-snin li ġejjin, jiġu milħuqa u mwettqa wkoll.

Dan se jkun qed jagħmlu b’mod partikolari bil-Viżjoni Malta 2050 li tpoġġi enfasi partikolari fuq tkabbir ekonomiku sostenibbli, investiment fil-ħiliet, servizzi aċċessibbli li jqiegħdu n-nies fiċ-ċentru, pajjiż reżiljenti u sistema ta’ edukazzjoni moderna kif ukoll użu intelliġenti tal-art u l-baħar. 

Quddiem dan kollu, nemmnu li Gvern Laburista se jkompli jkun it-tarka tan-nies u għalhekk se jibqa’ ffukat  biex ikompli jindirizza l-isfidi u joħloq l-opportunitajiet filwaqt li jkompli jilħaq l-aspirazzjonijiet tan-nies.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport