Thursday, October 23, 2025

GVERN LI JWETTAQ DAK LI JKUN WIEGĦED

Aqra wkoll

Hekk kif ninsabu ftit jiem bogħod mit-tħabbira tal-Budget għas-sena 2026, diġà bdew jingħataw indikazzjonijiet li dan mistenni jkun budget ieħor b’enfasi partikolari fuq is-soċjal, b’għajnuna akbar lill-familji u lil dawk l-aktar vulnerabbli filwaqt li jkomplu jiġu sostnuti n-negozji. Għalhekk, aktar ma toqrob id-data li fiha jitħabbar il-Budget, aktar tikber l-istennija ta’ bosta biex jaraw x’se jkunu dawk il-miżuri li se jkunu qed jibbenefikaw minnhom. 

Iżda lil hinn minn dan, tajjeb li nieqfu u nirriflettu ftit fuq x’sar fil-Budget għal din is-sena. Fil-fatt, minn dak li tħabbar ilbieraħ, jirriżulta li r-rata ta’ implimentazzjoni tal-Budget għall-2025 kienet ta’ 86%. Rata b’saħħitha ferm li ċertament tagħti kunfidenza kbira fl-implimentazzjoni tal-Budget għas-sena d-dieħla. 

Kif spjega tajjeb il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, dawn ir-rati b’saħħithom ta’ implimentazzjoni, sena wara l-oħra, jkomplu juru l-għaqal li bih jiġu mfassla l-Budgets ta’ pajjiżna. Waqt li f’pajjiżi oħra ttieħdu deċiżjonijiet u miżuri differenti li komplew iżidu l-piżijiet fuq in-nies, ir-realtà f’pajjiżna hi totalment differenti. F’Malta, l-andament ekonomiku huwa wieħed b’saħħtu, għandna l-aktar ammont ta’ nies jaħdmu filwaqt li l-qagħda fiskali qed tkompli titjieb minn sena għall-oħra.

Dak li ddikjara l-Ministru Caruana, għandu għaliex iqawwi qalb il-poplu Malti aktar u aktar għaliex kull budget li tħabbar minn dan il-Gvern kompla jibni fuq ta’ qablu. U dan kien possibbli li jsir għax kellna ekonomija reżiljenti li pajjiżna baqa’ jsostni. 

Nemmnu għalhekk li l-Budget 2026 se jkun rifless fil-pjan ċar tal-Gvern li jrid jibqa’ jipproteġi lill-familji b’mod partikulari lil dawk vulnerabbli, lin-negozji jipprovdilhom l-appoġġ neċessarju permezz ta’ miżuri fiskali mingħajr ma jżid il-piżijiet tat-taxxi fuq ħadd. Dan kollu flimkien mas-sussidju li diġà qed jingħata fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils.

Aħna kunfidenti li dak li se jitħabbar fil-Budget 2026 huwa dak li pajjiżna qed jistenna u li l-Gvern ikun kapaċi jagħti u jwettaq fil-prattika biex il-livell tal-għajxien tan-nies għada jkun aħjar milli huwa llum.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport