Wednesday, November 27, 2024

Gvern li kontinwament jimplimenta liġijiet favur l-annimali

Aqra wkoll

Il-Gvern għandu strateġija nazzjonali b’viżjoni li għandha l-għan li tħares id-drittijiet tal-annimali li jgħixu fis-soċjetà tagħna, fosthom fejn jidħlu s-saħħa u l-kura tagħhom. F’dawn l-aħħar snin rajna kif insostnu s-settur b’diversi skemi u inizjattivi sabiex ngħinu lill-annimali u lin-nies li b’mod volontarju jaħdmu magħhom u għalihom.

F’dawn l-aħħar xhur, parti mill-istess strateġija, daħħalna diversi regolamenti biex nelevaw l-istandards tas-servizzi offruti għall-annimali, fosthom il-liġi tal-pet groomers u l-pet boarders/sitters; il-liġi dwar il-projbizzjoni ta’ tnissil u żamm ta’ Mixed Bully Breeds li tħabbret illum, u anke l-liġi li tirregola t-tmigħ tal-qtates (cat feeders). 

•⁠  ⁠Il-Liġi qiegħda hemm biex tirrikonoxxi l-ħidma li ssir fis-settur u tassisti fejn meħtieġ. Mhijiex qiegħda biex tikkastiga lil min jagħmel it-tajjeb, iżda lil min jabbuża. Jekk wieħed jara annimal fit-triq u jagħtih l-ikel u x-xorb mhuwiex se jiġi mmultat, ġaladarba jnaddaf warajh. Min jarmi l-ikel u l-ilma barra, li f’diversi każijiet ikunu fdalijiet tal-ikel tad-dar, u jħallih hemm bl-iskuża għat-tmigħ tal-qtates, dak iva ser jiġi mfittex u mmultat. Dawn huma każijiet, u bl-ebda mod ma jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-volontiera, li sfortunatament ixejnu l-ħidma tal-istess cat feeders.

•⁠  ⁠Bil-Liġi rridu mhux biss inħarsu d-drittijiet tal-annimali, iżda wkoll tar-residenti li joqogħdu fil-madwar, sabiex nippreservaw l-iġjene minn insetti, hornets, ġrieden eċċ, li jirrilokaw f’postijiet fejn jitħalla l-ikel barra. Dawn jipperikolaw is-saħħa u s-sigurtà tan-nies u tal-istess qtates.

•⁠  ⁠Ir-reġistru qiegħed hemm sabiex inkunu nafu min huma n-nies responsabbli miż-żoni u l-kolonji tal-qtates, innaqqsu l-abbużi, u ngħinuhom biex ikomplu jwettqu x-xogħol li qed jagħmlu mal-annimali b’diversi skemi u inizjattivi (fosthom il-cat feeders’ scheme, neutering campaign, etc). Il-Gvern mhux talli ma jridx iwaqqaf it-tmigħ tal-qtates, talli alloka €350,000 fi skema ta’ vouchers għall-ikel biex jgħinhom. Il-cat feeders għandhom ikunu rreġistrati bil-kolonji tagħhom ħalli nkunu żguri li l-iskemi u l-inizjattivi jaslu għand min ġenwinament jagħmel dan ix-xogħol filantropiku. Kull min jixtieq jirreġistra bħala cat feeder, jista’ jagħmel dan mal-kunsill lokali tal-lokalità tiegħu. Ir-reġistru huwa miftuħ u m’hemmx terminu ta’ skadenza sa meta wieħed jista’ jirreġistra.

L-Oppożizzjoni qatt ma pprovat tħares lejn id-drittijiet tal-annimali. Dan jixhdu ż-żmien kemm damet fil-Gvern fejn qatt ma pproponiet regolamenti li jkunu kapaċi jirregolarizzaw is-settur, biex b’hekk jitnaqqsu l-abbużi fuq l-annimali. Hija ħasra kbira li wieħed jara kif idawwar it-tajjeb li qed isir sabiex jipprova jieħu vantaġġ politiku minnu. Minflok ikun parteċipi u jipproponi regolamenti li bihom l-annimali u l-voluntiera jistgħu jkunu aktar protetti u mħarsa bil-liġi, l-Oppożizzjoni qiegħda biss tara kif tagħmel sabiex ixekkel it-tajjeb li qiegħed isir b’informazzjoni skorretta u ta’ biża’.

Sport