Saturday, December 28, 2024

GVERN LI QED IMEXXI B’POLITIKA LI TGĦIN LIN-NIES

Aqra wkoll

Il-Gvern m’għażilx it-triq tal-awsterità biex ikompli b’politika ta’ sostenn għan-nies, b’mod partikolari sabiex jgħin lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. Mhux biss, imma kif tħabbar diġà, se jkompli jġib ‘il quddiem l-interessi tal-klassi medja. Xhieda ta’ dan huma wkoll il-miżuri li ddaħħlu fis-seħħ fil-ġimgħat u x-xhur li għaddew. Anke f’dawn il-jiem tas-sajf, fejn anke f’dan ir-rigward il-ħidma ma waqfet xejn.

Dan l-aħħar ukoll saret referenza għal 10 miżuri ewlenin li lkoll huma xhieda ta’ dak li l-Gvern permezz tal-Ministeri rispettivi tiegħu kien qiegħed jaħdem fuqhom fil-ġimgħat li għaddew. Ewlenin fosthom hemm il-liġi l-ġdida tal-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) li ġiet approvata mill-Parlament qabel aġġorna għall-btajjel tas-sajf kif kien imwiegħed.

Sar investiment ukoll ta’ €290,000 f’574 familja li wliedhom baqgħu jistudjaw wara l-edukazzjoni sekondarja. Inizjattiva li mhux biss qiegħda tgħin lill-familji kollha iżda qiegħda tasal l-aktar għand il-familji fil-klassi medja.

Fl-istess waqt, pajjiżna sar l-ewwel pajjiż li traspona d-direttiva tal-Anti-SLAPP tal-Unjoni Ewropea, li trażżan il-possibbiltà li jinfetħu numru ta’ kawżi legali varji fuq l-istess suġġett fil-konfront ta’ xi ħadd, inkluż kumpaniji jew kmamar tal-aħbarijiet u l-ġurnalisti individwali, bil-għan li jitolbu għal spejjeż kbar biex isikktu rapporti fil-midja, fost l-oħrajn.

 
Inizjattivi oħra li ttieħdu kienu jinkludu l-qasam tas-saħħa. Pazjenti morda bil-kanċer bdew jirċievu radjoterapija avvanzata b’investiment f’teknoloġija MR LINAC. Fost miżuri oħra hemm il-helpline ġdid 138 li huwa disponibbli 24 siegħa kuljum għal dak kollu relatat mas-saħħa u s-sigurtà u l-kostruzzjoni, l-inawgurazzjoni tal-proġett tax-shore to ship.

Ma nistgħux ukoll ma nsemmux l-iffirmar tal-ftehim settorjali li jinkorpora fih l-akbar żidiet li qatt ingħataw lill-għalliema. Apparti minn hekk, minkejja kull kritika li kien hemm kemm fuq bażi lokali u anke internazzjonali, il-Gvern baqa’ għaddej bis-sussidju fuq il-kontijiet tal-enerġija.

Dawn l-inizjattivi kollha flimkien ma’ għadd ta’ riformi oħra li diġà jinsabu fis-seħħ ikomplu juru kemm tassew dan il-Gvern qiegħed jagħti każ dak li għandu xi jgħid il-poplu u jaġixxi biex ikompli jkun ta’ għajnuna anke fl-aktar mumenti ta’ sfida. Inħarsu ‘l quddiem għal aktar riformi li jaħsbu sabiex jindirizzaw it-tħassib f’ċertu setturi, li n-nies għandhom tħassib fihom.

Ekonomija

Sport