Thursday, September 18, 2025

Gvern li se jibqa’ jagħti lis-setturi tal-arti, il-kultura u d-divertiment l-importanza li jistħoqqilhom

– Il-Prim Ministru f’laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-MEIA dwar il-Budget 2026

Aqra wkoll

Waqt laqgħa oħra ta’ konsultazzjoni dwar il-Budget 2026, mal-Malta Entertainment Industry and Arts Association (MEIA) fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq kif il-Gvern qed jipprijoritizza bi sħiħ is-setturi tal-arti, l-kultura u d-divertiment. Matul l-aħħar snin dawn l-oqsma ngħataw spinta qawwija f’dak li għandu x’jaqsam ma’ inizjattivi u inċentivi li qed iwasslu għal aktar tisħiħ. 

Il-Prim Ministru enfasizza li l-Gvern se jibqa’ impenjat biex ikompli jibni fuq dak li diġà qiegħed isir u li qed isarraf fit-titjib tal-kwalità ta’ dawn l-oqsma.

Il-Prim Ministru semma l-Viżjoni Malta 2050 li tagħti prijorità assoluta lill-identità nazzjonali, l-arti, il-kultura, il-lingwa u dak kollu li jsawwar l-identità u t-talent Malti. “Din hija viżjoni li tmur lil hinn mill-partiġġaniżmu politiku – viżjoni fit-tul u li tagħti stampa ċar ta’ fejn bħala pajjiż, bħala poplu, irridu mmorru”, tenna Dr Abela.

Huwa rrefera għal numru ta’ skemi u assistenza finanzjarja offruta minn entitajiet pubbliċi bħall-Malta Investment in Cultural Organisations, l-Arts Support Scheme for Projects, kif ukoll l-Access Support Scheme. Il-Prim Ministru tenna li dawn  l-iskemi qed joffru mhux biss appoġġ fuq numru ta’ snin, imma aktar minn hekk, qed joffru stabbiltà lil dawk kollha li jibbenefikaw minnhom. 

Hemm ukoll il-Fond Malti tal-Ktieb li jkopri b’mod speċifiku l-ispejjeż tal-istampar u l-kummerċjalizzazzjoni, filwaqt li qed jgħin biex itaffi r-riskji assoċjati max-xogħol tal-pubblikaturi u l-awturi.

Apparti minn hekk, il-Prim Ministru enfasizza l-ħidma tal-Gvern fir-rigward ta’ protezzjoni legali u t-tisħiħ ta’ miżuri fiskali. F’Ottubru tas-sena li għaddiet, tnieda n-National Charter for the Status of the Artists, bil-għan li dan jintuża bħala referenza u qafas għall-kundizzjonijiet ta’ finanzjament, fost oħrajn. Matul din il-leġiżlatura ssaħħu wkoll miżuri fiskali biex illum artisti li jaqilgħu sa €50,000 iħallsu taxxa ta’ 7.5%.

Il-Prim Ministru tenna li filwaqt li diġà jeżistu numru ta’ spazji bħall-Valletta Design Cluster, Spazju Kreattiv, MICAS u ż-żona tal-kunċerti f’Ta’Qali, flimkien ma’ skemi ta’ assistenza f’dan ir-rigward bħat-Theatre Spaces Support Scheme, il-Gvern qed jaħdem biex ikun hemm Culture Hub fil-Marsa. Culture Hub li jinkludi teatri, ċinema, żoni għall-workshops u faċilitajiet oħra.   

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll il-Ministri Owen Bonnici u Stefan Zrinzo Azzopardi, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli, u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mark Mallia.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport