Saturday, December 21, 2024

“Gvern ma jibżax jieħu d-deċiżjonijiet diffiċli fl-aħjar interess tal-poplu” – Dario Vella

Aqra wkoll

Dario Vella huwa s-sindku tal-Mellieħa. Hu għandu 31 sena, twieled u trabba f’din il-lokalita’ tant pittoreska li tinsab fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta. Il-motto tiegħu fil-politika hu dejjem dak li jkun qrib in-nies minħabba li għandu għal qalbu d-djalogu li jqisu ferm importanti meta tkun f’din it-tip ta’ kariga.

Vella jħobb iqatta’ ħafna ħin mal-familja, isegwi l-futbol u jipprova jgħaddi ħin ta’ kwalita’ man-nies li huma għal qalbu. Fl-istess waqt, hu dejjem iħobb joħroġ xi ħaġa pożittiva minn kull sitwazzjoni għax kif jgħid hu titgħallem minn kull ċirkostanza. 

Vella jkellimna dwar il-mixja politika tiegħu sa ma wasal biex ġie elett bħala s-sindku tal-Mellieħa. “Bdejt fil-kunsill lokali fis-sena 2013 eżatt meta l-Partit Laburista kien tela’ fil-gvern. Kienu żminijiet li niftakar sew u li nibqa’ ngħożżhom. Fl-2017 hu kont magħżul bħala l-viċi-sindku sabiex sentejn wara l-post ta’ sindku ġie vakanti u kont ġejt elett f’din il-kariga.”

“F’dawn is-sentejn u nofs stajt niltaqa’ ma’ aktar residenti Melliħin mill-viċin. Minn dejjem kont viċin in-nies u hekk se nibqa’ nagħmel. Għalija hu unur u privileġġ li nkun is-sindku tal-lokalita’ fejn trabbejt u għext tul ħajti kollha. ”

“Din il-kariga titlob ħafna responsabbilta’ u minn hawn nixtieq nirringrazzja lil sħabi l-kunsilliera li dejjem imxew id f’id miegħi sabiex ikollna Mellieħa dejjem aħjar. Warakollox il-Mellieħa hi lokalita’ imfittxija ħafna mill-Maltin u l-Għawdxin partikolarment fis-sajf.”

Dario Vella jgħid li din il-kariga għenitu mhux biss biex jimmatura fil-karattru tiegħu iżda wkoll tatu responsabbilta’ li hu jlaqqamha bħala waħda sabiħa. Jieħu gost u jkun sodisfatt meta jaf li qed iħalli impatt kbir f’dan ir-raħal li jinsab fit-tramuntana ta’ Malta speċjalment bil-proġetti li saru sabiex isebbħu ħafna mill-postijiet eżistenti. Iżda l-kredu ta’ Vella li jkun qrib in-nies hu determinanti sabiex jara verament il-polz taċ-ċittadin.

Iżda x’ġiegħel lil Dario Vella sabiex joħroġ għall-elezzjoni ġenerali?

Wara li ġie avviċinat mill-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista, is-Sindku tal-Mellieħa ħabbar li se jkun qed jaħdem ukoll l-10 Distrett li jinkludi Il-Gżira, parti min-Naxxar , Baħar iċ-Ċagħaq , Pembroke, San Ġiljan, Paceville u Tas-Sliema. 

B’dan il-mod, fl-elezzjoni ġenerali 2022 huwa se jkun qed jikkontesta kemm f’dan id-distrett kif ukoll fit-12-il Distrett li jinkludi Il-Mellieħa, parti min-Naxxar u San Pawl il-Baħar.

“Ġejt avviċinat mill-Prim Ministru Robert Abela sabiex nagħmel il-pass li jmiss. Jien aċċettajt bil-qalb kollha. Minn hawn nirringrazzja lill-Prim Ministru u l-Kap tal-Partit Laburista Dr Robert Abela, lill-Eżekuttiv u l-amministrazzjoni tal-Partit ta’ din il-fiduċja. Nemmen li wara li politiku jibda bil-kunsill lokali, il-pass naturali jkun li jmur għal xi ħaġa ikbar. Kif jgħidu titla’ tarġa tarġa. Minn hemm qatt m’għandek tikbirlek rasek anzi trid taħdem u tkun perseveranti sabiex int tirbaħ il-fiduċja tan-nies.”

“Lest biex jekk tagħtuni l-fiduċja, din id-darba inservikom mill-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna biex Flimkien Nibnu Futur.”

Dario Vella jgħid li beda jinteressa ruħu fil-politika ta’ eta’ żgħira ħafna. Kien jisma’ l-aħbarijiet tal-ġurnata kuljum filwaqt li jaqra fuq avvenimenti passati li sawwru l-istorja ta’ dan il-pajjiż.

Meta tfarfar ftit u sar żagħżugħ kien involut f’diversi għaqdiet taż-żgħażagħ tal-Mellieħa filwaqt li beda wkoll jinvolvi ruħu fil-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Laburista. Kien jogħġbu dak l-ideal politiku li bniedem jagħti lura l-fiduċja tan-nies. Fuq kollox hu jibqa’ jsemmi l-kuntatt man-nies li jarah bħala kruċjali sabiex mhux biss tirbaħ il-fiduċja tagħhom iżda wkoll għax xogħol il-politiku hu dak li jservi.

Iżda kif Dario Vella jirnexxielu jlaħħaq ma’ dak li jkollu ppjanat matul il-ġurnata?

“Nista’ ngħidlek li m’hu faċli xejn li tlaħħaq mal-attivitajiet li jkolli. Xi kultant ngħid li erbgħa u għoxrin siegħa mhux biżżejjed għalija. Fl-istess ħin nara l-prijoritajiet li jkolli l-ewwel u nimxi minn hemm. Nipprova nsib ħin għal kollox, anke għar-rilassament tiegħi għalkemm nammetti li l-kampanja elettorali hi waħda intensiva fejn qed nipprova nkellem lin-nies tad-distrett. Din teħodli ħafna ħin u paċenzja iżda persważ li n-nies japprezzaw dak li għamilt s’issa.”

“F’dawn il-mawriet tiegħi xi drabi niltaqa’ ma’ persuni li jgħixu waħedhom partikolarment anzjani li jkollhom bżonn li jiftħu qalbhom ma’ persuna jew inkella jkunu jridu jgħidu kelma. Jien min-naħa tiegħi nismagħhom għax dawn huma l-isbaħ mumenti li politiku jista’ jgħix. Wara kollox il-politiku qiegħed għan-nies!”

Vella qal li se jkompli jaħdem b’impenn u b’responsabiltà qrib kulħadd anke jekk jiġi elett bħala membru parlamentari. Hu jgħid li waħda mill-iktar miżuri li jixtieq li jkollu sehem minnha hi proprju dik li titneħħa l-burokrazija f’ċerti istituzzjonijiet filwaqt li jsiru aktar proġetti sabiex il-ħajja tan-nies tkun dejjem aħjar.

Tkellimna dwar il-Partit Laburista u r-riformi li għamel f’dawn l-aħħar snin li servew ta’ ġid kbir għas-soċjeta’ inġenerali.

“Jien kburi li nagħmel parti minn dan il-partit tant glorjuż. Kollha flimkien irnexxielna nibnu moviment b’saħħtu u l-iktar ħaġa pożittiva f’dan kollu hu li bqajna dejjem saqajna mal-art. Żmien il-COVID-19 kien wieħed iebes ferm iżda l-gvern ħadem tant bilgħaqal bl-inċentiv tal-wage supplement u fost l-oħrajn għadd ta’ għajnuniet oħra li salva l-impjieg ta’ ħafna nies.”

“Kien hemm miżuri oħra li ttieħdu f’dawn l-aħħar snin li taw ċerta kwalita’ tal-ħajja mill-aqwa lill-Maltin u l-Għawdxin fosthom iċ-child care b’xejn, għajnuna lil min se jixtri proprjeta’ għall-ewwel darba, trasport pubbliku b’xejn li se jibda minn Ottubru li ġej. Dan il-gvern qed jaħdem sabiex ikollna ambjent aħjar u għandu direzzjoni ċara fejn jixtieq jieħu lil Malta fis-snin li ġejjin.”

“Dan il-Gvern ma jibżax jieħu ċerti deċiżjonijiet għax jaf li dawn ikunu ta’ ġid kbir għall-poplu. Issa kulħadd qed iħares lejn dik in-normalita’ li tant qed nimmiraw għaliha. Jien niddeskrivi lill-Prim Ministru bħala bniedem kapaċi li kien sod fil-maltemp aħseb u ara fil-bnazzi!”

L-aħħar messaġġ tas-sindku tal-Mellieħa Dario Vella hu dak li l-Maltin u l-Għawdxin għandhom jaħdmu flimkien irrispettivament minn kull differenza li jħaddnu għax b’hekk biss jista’ jkollna pajjiż aħjar.

Ekonomija

Sport