Saturday, November 23, 2024

Gvern sensittiv, viċin il-bżonnijiet tan-nies u li jaġixxi

Aqra wkoll

“F’nofs pandemija, wara budget fejn qassamna u l-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomiku, bgħattna ċekkijiet f’ammont ta’ 11 -il miljun minħabba inġustizzji tal-passat. F’nofs pandemija, mhux talli qed naħsbu f’illum iżda qed inħarsu wkoll lejn l-inġustizzji tal-passat ta’ qabel l-2012.”

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert f’attivita’ politika fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista filwaqt li ċċara kif dan il-Gvern ma kellu l-ebda obbigu legali li jagħmel dan iżda mexa bl-obbligu morali u għaliex ikollok finanzi li jippermettu.

“Qabel l-2012, żewġ affarijiet kien ikollok bi dritt – kontijiet għolja u iżjed taxxi… Xogħol dan il-Gvern hu li jtejjeb il-kwalita’ ta’ ħajja tan-nies mhux bil-kliem iżda b’miżuri konkreti.”

Robert Abela saħaq li dan hu Gvern li jrid ikompli jkabbar l-ekonomija bla ma ndaħħlu taxxi ġodda. Gvern li jifraħ bis-suċċess ta’ ħaddieħor u min ma għamilx dak is-suċċess għax ma jistax, irridu ninċentivawh biex jitla’ l fuq.

“Inċentivajna l-bżulija mhux inbeżżgħu n-negozji u kburin bl-għeruq soċjali u soċjalisti tagħna.”

Grazzi għall-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomiku, il-Prim Ministru semma kif  8 persuni kuljum sabu xogħol. “Għamilna wegħda li ma nħallu l-ebda negozju jikkrolla għax emminna li jekk inħallu negozji tagħna u impjiegi jintilfu, l-irkupru ekonomiku kien se jkun diffiċli.”

L-istess mod kif il-Gvern ħadem fil-qasam tas-saħħa.

Il-Prim Ministru spjega kif barra minn xtutna, kemm l-aspett mediku kif ukoll ekonomiku qed jinħass ħafna. “Ħwienet magħluqin, toroq vojta, ristoranti magħluqin. Napprezza u nifhmu r-realtajiet. Napprezzaw kemm qegħdin tajjeb f’pajjiżna… Aħna f’pajjiżna b’numru ta’ restrizzjonijiet ikkumparat ma’ pajjiżi oħra qed ngħixu f’normalita’.”

Dan apparti l-effetti negattivi tas-saħħa mentali f’pajjiżi fejn irrikorrew għal-lockdowns stretti. “Kemm hu importanti li żżomm bilanċ bejn is-saħħa, l-għixien, il-ftuħ tal-iskejjel – ninsab kuntent ħafna li t-tfal qed imorru l-iskola u jkollhom żvilupp soċjali.. fuq kollox nosservaw u nifhmu li hemm min qiegħed ibati minħabba l-Covid. Għada jien u Chris Fearne se nisbħu l-isptar biex naraw li s-sitwazzjoni medika qegħda tiġi kkontrollata u l-pazjenti fl-isptarijiet jingħataw l-aqwa kura u għalhekk ikollna l-aqwa riżorsi mediċi.”

Robert Abela żied li l-mod ta’ kif dan il-Gvern ħadem dwar il-vaċċin se jwassal biex inkunu minn tal-ewwel pajjiżi li jkollna l-vaċċin.

L-aktar kabinett żagħżugħ, femminili u Għawdxi

“Mhux biss l-ewwel darba li għandna tliet Ministri Għawdxin imma wkoll tliet ministri nisa. Fuq kollox, kabinett ta’ stoffa. Dan jagħmilna kburin li aħna Maltin.”

Hawnhekk, il-Prim Ministru wassal messaġġ “biex ma niddibattux fuq elementi ta’ firda u diviżjoni… Għandu jkollna Oppożizzjoni konstruttiva u xtaqt li fl-aħħar xhur kellna għajnuna. Pajjiż li għadda mill-iktar mument li jkollna għaqda nazzjonali. F’Marzu qalulna biex immorru lockdown. Minn lockdown, marru biex jagħmlu elezzjoni interna. Qalulna li qed illaqqgħu n-nies flimkien u huma vvutaw 21,000 ruħ fl-elezzjoni tagħhom. Dawk huma r-realtajiet.”

Min-naħa tal-Gvern, il-Prim Ministru sostna li fejn kien hemm bżonn il-bidliet, ħadna deċiżjonijiet kollha meħtieġa anke fejn id-deċiżjonijiet weġġgħu imma la kienu meħtieġa, illum konvinti mill-governanza tajba.

“Sakemm id-deċiżjonijiet ikunu għall-aħjar tal-pajjiż, se nibqgħu neħduhom. Magħna taf fejn qiegħed.”

Gvern viċin in-nies u li jħoss il-polz tan-nies. Mil-lum, 6,000 persuna se jkunu qed jirċievu mediċina b’xejn. Hawnhekk il-Prim Ministru sellem u rringrazzja lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne filwaqt li awguralu għall-ħatra li rnexxielu jakkwista.

“Kemm nifraħ bis-suċċess ta’ Maltin bħal Chris li jagħmlu l-ġid kemm f’Malta u kemm lil’hinn minn xtutna.”

Il-Prim Ministru sellem ukoll il-memorja tal-Professur Oliver Friggieri – patrijott Malti li ħabb u ċċelebra l-identita’ Maltija.

“Kuraġġ, tama, ottimiżmu u pożittivita’. Flimkien Maltin u Għawdxin b’saħħitna ‘l quddiem.”

Sport