Wednesday, July 23, 2025

Gvern ta’ wens għall-poplu

Aqra wkoll

Fi żmien meta d-dinja għadha għaddejja minn kriżijiet, l-aktar fis-settur tal-enerġija, li għadhom prevalenti minħabba l-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, b’danakollu l-ekonomija Maltija għadha b’saħħitha tant li l-Gvern għadu jista’ jkun ta’ wens akbar għall-familji Maltin u Għawdxin. 

Konferma ta’ dan ħarġet minn rapport riċenti tal-Bank Ċentrali li fih ħareġ li l-Maltin se jiffrankaw aktar taxxa minn dak imbassar u kif ukoll li s-sussidji fuq l-enerġija għamlu d-differenza fl-aħħar snin. Din turi l-politika fiskali għaqlija li qed imexxi biha l-Gvern Laburista. 

Konfermi bħal dawn iġibu fix-xejn il-kritika, fuq kollox tal-Kummissjoni Ewropea, u kif ukoll ta’ esponenti politiċi lokali li ilhom jgħidu li jridu li s-sussidji fuq l-enerġija għandhom jieqfu għalkollox għaliex skont huma mhumiex sostenibbli. Billi l-ekonomija ta’ pajjiżna tippermetti, il-Gvern diġà kkommetta ruħu li s-sussidju se jibqgħu fis-seħħ sakemm ikun hemm bżonn. U dan kollu b’risq il-familji Maltin. 

Ir-rapport tal-Bank Ċentrali jikkonferma wkoll li kieku l-Gvern ma ħariġx bis-soluzzjoni tas-sussidji meta l-prezzijiet tal-enerġija għolew ’il fuq, kieku l-ekonomija Maltija kienet tkun ta’ madwar 1.3% inqas milli hi, bil-periklu li l-ekonomija tkun riesqa lejn staġnar.

Il-politika fiskali tal-Gvern wasslet biex l-ekonomija ta’ pajjiżna tkun kapaċi tilqa’ għal dawn id-daqqiet li bosta minnhom jiġu bla mistenni. Ma ninsewx ukoll li f’dan il-waqt għadhom jingħataw benefiċċji oħra fosthom il-COLA addizzjonali, żidiet fil-pensjonijiet u kif ukoll għajnuniet finanzjarji oħra lil min jaħdem fosthom bl-in-work benefit u r-rifużjoni tat-taxxa. 

F’dan il-kuntest, hemm min, fosthom il-Partit Nazzjonalista, li jikkritika l-Gvern li kabbar id-dejn. Madankollu l-piż tad-dejn pubbliku, li fl-2024 kien ta’ 47.4% tal-Prodott Gross Domestiku, għadu taħt kontroll u inqas mir-regoli stabbiliti tal-Unjoni Ewropea. Din hija xhieda ta’ kemm il-Gvern qed jibża’ għall-ekonomija tal-pajjiż billi mhux jipperikola s-sostenibiltà finanzjarja.

Dan kollu jrid jittieħed fil-kuntest ukoll li m’hawn l-ebda pajjiż fid-dinja b’xi mod m’għandux dejn pubbliku. L-importanti huwa li l-livell tad-dejn jinżamm taħt kontroll. Apparti hekk, id-dejn li għandu pajjiżna, fil-biċċa l-kbira tiegħu, huwa dejn lokali. Għalhekk huwa tajjeb li l-Gvern ikompli jimplimenta miżuri fiskali għaqlin li jsostnu l-ekonomija tal-pajjiż u allura l-ġid tal-komunità inġenerali. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport