Ma niflaħx nisma’ lill-kelliema ewlenin Nazzjonalisti ma jiddejqu xejn jagħtu stampa li mhiex korretta biex jaħbu l-fatt li fil-25 sena li għamlu jmexxu lil Malta, il-pensjonijiet – l-ammont li tieħu bħala pensjoni u mhux il-pensjoni plus iż-żieda tal-għoli tal-ħajja, il-pensjoni bla żieda tal-għoli tal-ħajja ma żdidux lanqas ċenteżmu wieħed. Dawn huma numri li ħadd ma jista’ jmeriħom, lanqas inti Dr P. Mifsud Bonnici. Lanqas biż-żieda bil-KOLA. Din hija l-verità li l-kelliema tal-lum Nazzjonalisti jistħu jgħidu u jippruvaw idawru u jbiċċru l-istorja għax jistħu forsi jgħidu lill-poplu dak li għamlu rigward il-pensjonijiet.
Bil-kuntrarju, f’dawn l-aħħar 10 snin il-pensjoni żdiedet b’iktar minn €32 aktar mill-KOLA. Xi tfisser din? Din tfisser li l-bażiku tal-pensjoni żdied bi €32 u ħadu ż-żidiet tal-KOLA magħhom addizzjonali. Il-mekkaniżmu tal-KOLA ilu hemm is-snin; ma daħħalx amministrazzjoni Laburista, imma kien ilu hemm u tajjeb li ngħidu wkoll li kien hemm żmien u damu għal snin sħaħ li l-pensjonijiet kienu jieħdu żidiet ta’ nofs il-KOLA u lanqas il-KOLA kollha.
Kien wara l-2008 li l-anzjani tagħna bdew jieħdu ż-żidiet fil-pensjonijiet bil-KOLA sħiħa. Il-Labour, barra ż-żidiet tal-KOLA, li dan jiġi mifhum mill-imsieħba soċjali kollha, jagħti żidiet oħrajn u hawn nerġa’ nirrepeti li dawn iż-żidiet huma ta’ madwar €32. Il-verità tibqa’ waħda li f’25 sena ta’ gvern Nazzjonalista l-pensjonanti ħadu inqas mill-KOLA. Kienu jieħdu żewġ terzi tal-KOLA, biex ngħidu kollox.
Allura, meta tgħodd kemm ħadna żieda fil-KOLA, iva, tajjeb li ngħid li l-KOLA hija l-aġġustament tal-għoli tal-ħajja li jingħata lill-ħaddiema tagħna fil-pagi u issa sħiet ukoll fil-pensjoni biex il-poter tax-xiri tal-anzjani tagħna u tal-ħaddiema tagħna ma jonqosx u allura ma jdgħajjifx il-livell tal-ħajja li jkunu qed jgħixu.
Taxxa għad-dħul tal-pensjoni
Niftakar żmien fl-2012 meta Mrs Saliba kienet tibgħat għalija u inkwetata kienet tkun għax kienu joħdulha t-taxxa fuq il-pensjoni tagħha. Ma setgħetx tifhem kif kienu joħdulha t-taxxa fuq il-pensjoni u kellha raġun. Gvern Laburista għamel l-ewwel €13,400 fis-sena tax-free u jekk taqbeż dik is-somma għandek l-ewwel €9,000 oħra tax-free; jiġifieri bażikament id-dħul kollu tal-anzjani tagħna minn fuq il-pensjoni huwa tax-free. Nitlob lil min jgħid mod ieħor jieqaf jipprova jitħaq bin-nies. Lanqas qed jgħidu l-verità fuq fatti issa li għadhom fl-oppożizzjoni; kemm huma lesti li jgerfxu u jħawdu l-verità jekk ikollhom il-poter f’idejhom?
Insew dan l-ispeeches tal-MEP tagħhom David Casa jgħid li l-kriżi ekonomika għadha hemm u li kellhom ‘sfida’ issa, il-pensjonijiet. Għandna paper mill-Kummissjoni li tissejjaħ il-Green Paper, li titkellem fuq il-pensjonijiet u anke fuq pajjiżna; irridu nitekiljawh dan l-issue bl-iktar serjetà. X’issue kien qed jitkellem fuqu l-MEP Casa? Fuq is-sostenibbiltà tal-pensjonijiet, ħbieb tiegħi. Mhux li jżiduhom, imma li jħalluhom hemm. Din kienet il-klima ta’ ekonomija tal-PN. Bħal dak ir-rapport ieħor sigriet li jitkellem dwar is-sostenibbiltà tal-qasam tas-saħħa b’xejn għal kulħadd.
Din, skont Casa, kienet il-viżjoni tagħhom: ipoġġu taħt skrutinju l-pensjonijiet u s-sostenibbiltà tagħhom. Għax skont Casa, is-sostenibbiltà tagħhom diġà kienet problema. Il-PN ħa deċiżjoni li jgħolli l-età tal-irtirar għal 65 sena; barra minn hekk għolla l-bolla b’10 fil-mija biex il-gvern li kien farrak l-ekonomija tal-pajjiż jiġbor iktar flus mill-ħaddiema.
Il-PN: “Din hija taxxa ġdida”
Dott. Eddie Fenech Adami stess kien aċċetta u laqqam dan il-fatt bħala veru: “din hija taxxa ġdida”, kien qal. Pajjiż b’ekonomija mgħamġa tkompli tagħmillu engine brake billi tkompli tisloħ il-flus mingħand il-ħaddiema biex tipprova tħallas l-imgħaxijiet tad-dejn li tagħmel. Il-PN għandu għalfejn jiftaħar għax anke l-minimum wage kien għamlu taxxabbli u allura kien sejjer jaqta’ parti mid-dħul anke lil dawk il-ħaddiema bl-aktar dħul baxx. Kif telgħa l-Labour, l-ewwel ħaġa li għamilna: l-ewwel miżura soċjali li għamilna bħala gvern fl-2013 kienet li neħħejna t-taxxa minn fuq il-minimum wage, u llum il-ġurnata l-pensjonijiet kollha tista’ tgħid huma mhux intaxxabbli.
Kliem ħelu kellhom kemm trid; ta’ qalulna kienu li l-età tal-pensjoni sejra tkompli tiżdied billi tintrabat iktar mal-life expectancy. Jiġifieri iktar ma ngħixu, grazzi għal Perit Mintoff li għamel qasam tas-saħħa b’xejn għal kulħadd u allura iktar qed ngawdu l-ħajja u l-familja. Issa l-PN żied l-età tal-pensjoni għaliex tant kellu kriżi ekonomika li ma setax jagħmel mod ieħor.
L-iżgħar pensjoni llum hija iktar mill-ikbar pensjoni li ħalla l-PN fil-gvern. Issa sejrin ikollna l-ewwel żidiet qawwija fil-pensjoni għal din is-sena u jibdew jidhru fiċ-ċekkijiet tal-pensjoni li sejrin jibdew jitqassmu matul dan ix-xahar u fix-xhur li ġejjin.
Il-faqar mhux jiżdied; anzi, in-numru ta’ nies fil-faqar qed kulma jkun jonqos, u n-numru ta’ nies fil-faqar huwa l-inqas li qatt kellna f’dawn l-aħħar 100 sena u jekk inkomplu mexjin fuq din il-linja n-nies fil-faqar nirridikolawhom u tkun xi ħaġa tal-passat. Il-faqar ikun xi ħaġa li jkun biss taħt Gvern Nazzjonalista.
Ħadd ma tħalla waħdu fl-ebda ċirkostanza
Tidher ċara x-xewqa tal-Prim Ministru Abela li l-pensjonijiet sejrin ikomplu jissaħħu u l-pensjonanti jserrħu rashom li l-gvern mhux se jħallihom waħedhom. Qatt ħadd ma tħalla waħdu f’dawn l-aħħar 10 snin tal-gvern Laburista. Ħadd ma tħalla waħdu fl-ebda ċirkostanza u dejjem kien hemm il-gvern Laburista ta’ spalla biex ħadd ma jitfaġġa’ taħt l-ebda piż inġust li jintefa’ fuqu.
Rajna dan il-fatt ukoll fejn jidħlu prezzijiet tad-dawl u ilma u l-fjuwils. Il-Prim Ministru Abela jkun ta’ spalla għall-poplu Għawdxi u Malti kollu li jerfa’ l-piż huwa bħala gvern u ma jħallix il-piż tal-għoli tal-kontijiet jinġarr fuq il-poplu, speċjalment fuq il-pensjonanti u nies bi dħul limitat. Dan kien iħalli riżultati devastanti fejn kien ikun hemm dik li tissejjaħ domino effect, fejn prezz jogħla u minħabba f’hekk jogħlew prodotti oħrajn, u minħabba li jkunu għolew il-prodotti l-oħrajn ikomplu jogħlew iktar prodotti.
Dawn kienu kollha deċiżjonijiet għoljin li ħa l-Gvern Laburista kemm taħt it-tmexxija ta’ Dott. Joseph Muscat kif ukoll taħt il-Prim Ministru Abela, li issa għalaq sitt snin fil-kariga u minn qalbi nawguralu li jdum ħafna u ħafna iktar snin fit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż bħala Prim Ministru ta’ Malta.
Sliem


