Il-gwerra bejn l-Istati Uniti u Iżrael fuq naħa u l-Iran fuq naħa oħra dieħla fit-tielet ġimgħa tagħha. Gwerra li nbdiet b’attakki minn Iżrael u l-Istati Uniti. Gwerra li wara ftit jiem rajna taffettwa b’mod immedjat il-prezz taż-żejt.
Illum għadd ta’ pajjiżi madwar id-dinja qegħdin jaġġustaw il-prezzijiet fil-pompi tal-fjuwil. Iż-żieda fil-prezz taż-żejt qiegħda twassal biex għadd ta’ prezzijiet għolew. Fost dawn it-trasport, prodotti tal-ikel u materjal ieħor. M’hemm l-ebda dubju li l-attakki tal-Istati Uniti u l-Iżrael fuq l-Iran, u r-ritaljazzjoni Iranjana, ħasdu l-ekonomija globali.
Illum hu fatt li l-konsumaturi diġà qed iħossu l-effett ta’ dan. L-attakki fuq impjanti taż-żejt komplew joħolqu aktar pressjoni fuq l-istess prezz taż-żejt. It-tħabbira li l-Istrett ta’ Hormuz se jibqa’ magħluq kompliet żiedet il-pressjoni fuq il-prezz taż-żejt.
U quddiem dawn iż-żidiet l-aktar li qegħdin ibatu huma dawk vulnerabbli. Hu fatt li huma l-ifqar u l-aktar vulnerabbli fid-dinja li se jintlaqtu l-agħar.
Din hi gwerra illegali li ħolqot kriżi umanitarja ġdida. Gwerra li wasslet miljuni ta’ nies spostati fl-Iran u l-Libanu. Is-settur tat-trasport jinsab milqut b’mod drastiku u dan wassal biex issir kumpaniji tal-kontejners qed jimponu soprataxxi ta’ emerġenza ta’ madwar $3,000 għal kull kontejner. Kull settur tat-trasport hu milqut b’mod negattiv ħafna kemm dak bil-baħar, tal-art u tal-ajru.
Hemm tħassib minħabba l-fatt li hu previst li jekk dan il-kunflitt se jibqa’ għaddej se nerġgħu naraw l-inflazzjoni tibda togħla. Filfatt dwar dan diġa hemm Banek Ċentrali li qegħdin jippjanaw biex iżidu r-rati ta’ interessi. U biex jikkumplikaw aktar l-affarijiet, rajna lill-Iran jattakka bastiment li kienu għaddejjin mill-Istrett ta’ Hormuż.
Nemmnu li din hi gwerra li għandha tieqaf b’mod immedjat. Gwerra illegali li qatt ma missha inbdiet. Minn gwerra, huma dawk l-aktar vulnerabbli li jispiċċaw ibatu l-konsegwenzi.
Hi gwerra illegali għax għadna sa issa bla ebda raġuni ċara għaliex inbdiet. Sa issa l-ispjegazzjonijiet ta’ l-uffiċjali fl-amministrazzjoni tal-Istati Uniti kienu vagi għall-aħħar.
L-amministrazzjoni ta’ Trump sostniet li l-Iran kien ta’ theddida imminenti. Minkejja dan ma ġewx provudit pubblikament evidenza dettaljata għal dik l-istqarrija. Hi gwerra illegali għax il-Kostituzzjoni Amerikana tagħti lill-Kungress l-awtorità li jiddikjara gwerra. F’dan il-każ, dan ma seħħx. Inġabu diversi argumenti minn naħa tal-ammistrazzjoni ta’ Trump li ppruvaw jiġġustifikaw l-attakk. Minkejja dan, l-argumenti huma dgħajfin ħafna. L-ebda wieħed mill-argumenti ppreżentati mill-amministrazzjoni Trump s’issa ma jattiva b’mod ġustifikat dawn il-klawsoli biex b’hekk jiġġustifika din il-gwerra mibdija mill-Istati Uniti u minn Iżrael.
Ma kien hemm l-ebda dubju li attakki mill-ajru u tfiegħ ta’ bombi u missili ma kienx se jwaqqa’ ir-Reġim Iranjan. Li qiegħed isir b’dawn l-attakki hu li persuni ċivili qegħdin iħallsu l-prezz b’ħajjithom. Dan hu kunflitt li ħoloq kriżi umanitarja. Kriżi mifruxa mad-dinja kollha. Fejn hemm il-kunflitt hemm it-tbatijiet u l-imwiet mill-attakki. F’żoni oħra l-bogħod qegħdin jinħassu l-effetti tax-xokkijiet fuq l-ekonomija biż-żieda fil-prezzijiet.

