Thursday, March 5, 2026

GWERRA OĦRA. TMIEM META?

Aqra wkoll

Id-dinja tinsab ffaċċjata bi gwerra oħra. Gwerra li konna ilna nisimgħu li tista’ tfaqqa’ minn ħin għall-ieħor imma dejjem kien hemm dik il-ftit tama li n-negozjati li kienu għaddejjin bejn l-Istati Uniti u l-Iran f’Ginevra dwar it-trażżin tal-programm nukleari tal-Iran setgħu iwasslu għal xi riżultat u jiġi evitat kunflitt.

Jidher li dan ma kienx il-każ. Ħadd ma jista’ jichad  li l-Iran kien qed jitmexxa minn reġim dittatorjali u brutali li wassal biex qatel eluf ta’  għaliex sempliċiment ħarġu jipprotestaw leġittimament dwar dak kollu li kien jidhrilhom li sejjer ħażin f’pajjiżhom. Ipprotestaw kontra t-tmexxija dittatorjali, l-għoli tal-ħajja, ir-ripressjoni u l-eluf ta’ nies maqfulin fil-ħabsijiet tal-pajjiż. 

Min-naħa l-oħra il-biża ta’ Iżrael u l-Istati Uniti li l-Iran seta’ jkun ta’ l-ewwel li jattakkhom wassal biex huma stess jibdew din il-gwerra biex jippruvaw iżarmaw lill-Iran mill-potenzjal li jista jattakkhom. Iżrael u l-Istati Uniti hadu deċiżjoni waħedhom u mhux skond il-ligijiet internazzjonali. Għamlu ta’ rashom. 

Bħalma jiġri dejjem f’sitwazzjonijiet bħal dawn, il-pajjiż attakkat kellu jirritalja partikolarment wara l-fatt li Izrael irnexxielu fl-ewwel sigħat tal-gwerra, jelimina l-ogħla uffiċjali tar-reġim Iranjan fosthom lill-mexxej spiritwali Khamenei. Iżda forsi ġara li ħadd ma kien qed jistenna li r-ritalazzjoni tal-Iran ser tkun daqstant qawwija li waslet biex kważi il-pajjiżi kollha fl-Ilvant Nofsani issa huma involuti f’dan il-kunflitt. 

Qed jiġu attakkati mill-Iran bażijiet militari Amerikani f’kull stat tal-Golf Għarbi u bħalma jiġri dejjem, xi miri jmorru ħażin u fuq naħa kellna anke bombi li waqgħu fuq lukanda f’Dubai u min-naħa l-oħra, missila li qattlet għexieren ta’ tfal bniet fi skola fl-Iran. Qed jiġu attakkati vapuri tal-merkanzija u tankers taż-żejt u l-gass fli Strett ta’ Hormuż filwaqt li anke ġew interċettati missili sparati lejn it-Turkija, pajjiż imsieħeb fin-NATO. Anke Ċipru, li għandu bażi militari tal-Ingilterra f’Akrotiri, intlaqat minn missila Iranjana u dan wassal biex ħoloq biża kbir fost iċ-ċittadini Ċiprijotti.

Il-gwerra li faqqgħet fil-Golf Għarbi qegħda ġġib magħha wkoll konsegwenzi ekonomiċi kbar għall-kumplament tad-dinja. Il-passaġġ ħieles tal-merkanzija mill-iStrett ta’ Hormuż jinsab kważi wieqaf. Eluf ta’ titjiriet kummerċjali lejn u minn il-pajjiżi tal-madwar qed jitħassru kuljum. Eluf ta’ nies jinsabu maqbuda f’dawk il-pajjiżi u jixtiequ jirritornaw lejn pajjiżhom u ma jistgħux. Il-prezzijiet taż-żejt u l-gass splodew b’konsegwenzi ekonomiċi kbar fuq id-dinja kollha.

Fejn ninsabu kważi ġimgħa wara li faqqgħet il-gwerra? Ħadd m’hu ċert x’ser jiġri. Jidher li l-Amerikani u Izrael kienu qed jittamaw li l-poplu Iranjan iqum f’rewwixta u jibdel it-tmexxija tal-pajjiż. Iżda dan għadu ma seħħx. Kienu qed jitkellmu fuq gwerra li kellha ddum ftit jiem, issa qed jingħad li tista’ ttawwal il-ġimgħat jekk mhux xhur. U l-anqas m’huma jeskludu l-possibilta li jkollhom jintbaghtu t-truppi fuq l-art fl-Iran. Huwa veru l-każ ta’ gwerra li bdiet u li ħadd ma jaf meta u kif se tintemm.

U f’Malta…

Għandna gvern li qed joffri sigurtà sħiħa lill-poplu tiegħu. Għaddejjin sforzi kbar biex jiġu mgħejjuna dawk il-Maltin li nqabdu fil-pajjiżi tal-Golf u jridu jiġu lura lejn pajjiżhom. Il-Gvern qed jorganizza titjira privata biex jgħin lil dawn il-Maltin jiġu Malta. L-ambaxxati u l-konsulati tagħna flimkien mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin qed joffru kull għajnuna biex  jigi organizzat dan ir-ritorn ta’ ħutna Maltin lejn artna. 

Għal darb’oħra, wara l-bosta kriżijiet li ffaċċjajna fl-aħħar sitt snin, il-Gvern Laburista qed joffri s-serħan il-moħħ lill-Maltin u l-Għawdxin mhux biss fuq il-provista tal-enerġija meħtieġa biex il-pajjiż ikompli jiffunzjona iżda wkoll qed joffri stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija billi se jkompli jissussidja dawn il-prezzijiet.

Nistgħu niftaħru li għandna pajjiż sigur għax kellna mexxejja li fl-imgħoddi għarrfu x’direzzjoni kellu jieħu l-pajjiż f’dik li hija politika internazzjonali. Kienet il-viżjoni futuristika ta’ Duminku Mintoff li ħelset lil pajjiżna mill-bażijiet militari tal-barrani. Li ma kienx hekk, illum ninsabu f’baħar ta’ nkwiet, nistennew xi missila ġejja lejna. Il-ħelsien mill-bażijiet militari barranin u l-politika ta’ newtralità ta’ pajjiżna kienu l-viżjoni li wasluna biex pajjiżna jkun rispettat minn kulħadd u magħruf għall-vokazzjoni tiegħu li jinkoraġixxi d-djalogu u l-paċi ħalli kemm jista’ jkun jiġu evitati kunflitti mdemmija bħal dawn li tinsab għaddejja minnhom id-dinja bħalissa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport