Ninsabu erbat ijiem bogħod mill-Milied. Jum li fih dak li qiegħed jhedded is-soċjetà tagħna – l-egoiżmu, l-għira, il-lanżit għal xulxin, il-ġakbiniżmu u r-razziżmu fost oħrajn, jitwarrbu għal ftit fil-ġenb minn xi wħud u tispikka is-solidarjetà, għalkemm ikun hawn min jirkeb fuq is-solidarjetà għal iskopijiet tiegħu.
Ovvjament jitwarrbu għal ftit sigħat biss, għax imbagħad jerġgħu jibdew. Lil hinn minn dan hemm ukoll min ma jieħu l-ebda pawsa u għalih dawn jibqgħu l-ordni tal-ġurnata. L-istess kif tibqa’ l-ordni tal-ġurnata il-kilba għal flus għal korporazzjonijiet il-kbar, li ma joqogħdux lura milli jirkbu fuq dan iż-żmien.
Kollox ma’ kollox, għalkemm kummerċjalizzat għal aħħar, dan jibqa’ jum li għal darba f’sena jsiru ħafna avvenimenti li fihom jiġu mgħejjuna dawn inqas ixxurtjati. Għal darba f’sena jiftakru fihom. M’hemmx dubju li s-solidarjetà u l-empatija, li hi l-bażi ta’ dak li fuqu għandha tinbena is-soċjetà, m’għandhiex tkun marbuta ma’ dan il-jum biss imma matul is-sena kollha.
Jekk ħarsitna tmur fuq il-post fejn seħħet il-ġrajja, il-belt ta’ Betlem, naraw il-post mifni mill-kunflitt fil-Lvant Nofsani. Post li minkejja li suppost jirrappreżenta l-paċi, l-atmosfera fih hi waħda tqila għal aħħar. Mimlija tensjoni. Tispikka fil-belt il-mibegħda bejn ġens u ieħor.
U din l-belt li darba kienet tkun attiva bil-pellegrini Nsara, llum hi karatterizzata minn lukandi magħluqin, toroq vojta u komunità Nisranija li qed tiċkien. Titkellem ma’ missjunarji li jservu fil-post u jgħidulek ċar u tond li l-okkupazzjoni Iżraeljana qiegħda teqred it-tamiet ta’ paċi.
Min meta seħħ l-attakk infami tal-Ħamas fis-7 ta’ Ottubru ta’ sentejn ilu, l-ekonomija ta’ Betlem, li diġà hija waħda mill-aktar vulnerabbli fir-reġjun, sofriet kollass bla preċedent. It-turiżmu sparixxa kważi mil-lum għal għada. L-istatistika li toħroġ hi waħda xokkanti. Fix-Xatt tal-Punent biss, 1,092 Palestinjan inqatlu, kważi 11,000 indarbu, u 21,000 ġew arrestati minn idejn il-Forzi tad-Difiża tal-Gvern ta’ Netanyahu.
Għal ammont ta’ snin, il-familji Kristjani ta’ Betlehem sostnew lilhom infushom permezz ta’ lukandi żgħar, ristoranti tal-pellegrini, workshops tal-injam taż-żebbuġ, tours iggwidati u snajja’ reliġjużi. Iżda l-avvenimenti tal-aħħar sentejn waqqfu kważi dan kollu. Il-lukandi jinsabu mudlama u vojta. Negozji mmexxija minn familji, li wħud minnhom baqgħu ħajjin taħt il-ħakma Ottomana u għadd ta’ snin ta’ taqlib politiku, għalqu l-bibien tagħhom.
Min jgħix hemm jiddeskrivi din il-belt b’għadd ta’ aġġettivi. ‘Staġnata’. ‘Mejta’. ‘Paralizzata’. Dan għax it-turiżmu kien importanti ħafna għal din il-belt. Hu fatt li gwidi turistiċi, sidien ta’ kafeteriji, ħaddiema f’lukandi, xufiera u ħafna oħrajn spiċċaw mingħajr dħul.
U lil hinn minn dan, Betlem għandha għadd ta’ ostakoli li jkomplu jitfgħuha lura. Ostakoli intiżi biex turisti jew pellegrini jaqtgħu qalbhom milli jaslu fil-post. Ħitan għoljin tal-konkrit, checkpoints militari, imblokki tat-toroq, munzelli ta’ ħamrija u trinek li jisseparaw il-viċinanzi u jiżolaw il-belt minn Ġerusalemm u l-irħula fil-qrib. Hemm bżonn permessi biex tivvjaġġa lil hinn minn Betlem għax-xogħol, appuntamenti mediċi jew żjarat għand familjari. Ħafna jiġu miċħuda mingħajr spjegazzjoni. U empatija ma teżistix. Tispikka l-mibegħda bejn poplu u ieħor. U ara taħseb li se tivvjaġġa b’mod faċli anki jekk tkun sejjer lejn l-isptar.
Tisma b’każijiet li jixxukkjaw. Omm, ikollha bżonn tieħu tifel lejn sptar partikolari f’Ġerusalemm. Il-vjaġġ imma minħabba burokrazija u checkpoints jista’ jispiċċa jittardja. Jaf ukoll jiġi kanċellat, li jfisser li dak it-tifel jiġi mċaħħad mill-kura.
U din is-sitwazzjoni qiegħda twassal biex il-ġenerazzjonijiet iżgħar jitilqu. Ma jarawx futur. Il-popolazzjoni li baqgħet hemm qiegħda kull ma jmur tixjieħ. Il-popolazzjoni qiegħda ssir dejjem aktar fraġli. Qed tispiċċa tiddependi aktar fuq il-karità.
Imma meta titkellem ma’ dawk li jgħixu hemm jew li qegħdin iservu hemm fosthom missjunarji, jirrakkontawlek u jsemmulek ir-reżiljenza li hemm fost dawk li baqgħu jgħixu fil-post. Jitkellmu dwar il-preżenza tagħhom f’Betlehem mhux biss bħala residenza iżda bħala vokazzjoni. Dan juri li minkejja l-faqar, it-tkissir tal-ekonomija, il-moviment ristrett, u l-iżolament, il-fidi f’Betlehem baqgħet b’saħħitha.
Betlem hu l-post li fih twieled dak li priedka l-paċi. Imma minkejja dan, fil-Lvant Nofsani, f’Betlem, il-paċi għadha ma twilditx. Minkejja dan, dawk li jgħixu hemm joħorġu l-messaġġ b’saħħtu marbut mar-reżiljenza.
Din hi tagħlima għalina ilkoll. Meta kollox ikun kontrina. Meta naraw sitazzjoni dejjem sejra mill-ħażin għall-agħar, ma tridx taqta’ qalbek. M’għandek qatt iddoqq irtirata. Tibqa’ tiġġieled. Tibqa’ tittama. Minkejja kollox għandek tibqa’ tħares ‘l quddiem u tiġġieled dak li jkun qiegħed jifni.

