Hekk kif mit-2 ta’ Awwissu 2022 se tidħol fis-seħħ id-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, dawn il-miżuri se jkunu qed isaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema kif ukoll jintroduċu lista ta’ benefiċċji ġodda għall-ġenituri u għall-ħaddiema.
Il-General Workers’ Union esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għal dawn id-drittijiet u miżuri ġodda fosthom parental leave għall-irġiel, paternal leave u flessibilità fil-ħin. Drittijiet li filwaqt li jsaħħu u jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-ħaddiema, se jkunu qegħdin jinvestu wkoll fil-kwalità ta’ ħajja aħjar tal-familji tagħna.
Il-GWU qalet li kienet involuta mill-bidu fil-konsultazzjoni dwar din id-direttiva. Dan għaliex il-GWU dejjem ħarset lejn il-ħaddiem b’mod ħolistiku.
Il-GWU semmiet li hekk kif pajjiżna qed jaffaċċja diversi sfidi globali bħall-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna l-Gvern Malti bħalma għamel f’oqsma oħra, se joffri l-għajnuna lin-negozji f’din l-ispiża.
B’hekk se tkun qiegħda titwettaq ukoll wegħda elettorali oħra mressqa mill-Gvern Malti filwaqt li dawn id-drittijiet se jkomplu jibnu fuq il-ħidma sfiqa li saret fl-aħħar snin fejn jidħlu d-drittijiet ġodda għall-ħaddiema.