Friday, January 23, 2026

GWU…. Unjin għal-lum u għal għada

Aqra wkoll

Il-ħidma tkompli. Turija li l-General Workers’ Union hija organizzazzjoni dinamika li ma tgħejja qatt taħdem favur il-ħaddiema u kif ukoll favur dak kollu li jkattar il-ġid komuni. Il-Kungress Nazzjonali li sar l-Erbgħa li għadda, immarka b’mod ċar dan l-ideal. Ideal li mhux biss isawwar il-preżent imma wkoll li jħares aktar lil hinn minn hekk. Il-proposta li kienet ressqet snin ilu dwar li pajjiżna jkollu viżjoni għall-futur, issa qed issir realtà, fejn il-Viżjoni Malta 2050 se tiġi varata fil-ġimgħat li ġejjin.

Huwa mument li jixhed li post il-General Workers’ Union mhuwiex biss fil-postijiet tax-xogħol imma jilħaq ukoll aspetti politiċi, ekonomiċi u soċjali f’pajjiżna. Dan kollu jfakkarna f’dak li kien qal l-Avukat Herbert Ganado, illi l-akbar ġrajja li seħħet f’pajjiżna fl-1943 kienet il-ħolqien tal-GWU. Għaldaqstant, ħadd ma jista’ jiċħad jew jgħawweġ il-fatt li l-GWU għandha post ewlieni fl-istorja riċenti ta’ pajjiżna. Unjin li kienet, għadha u tibqa’ t-tarka tal-ħaddiema li baqgħet tevolvi matul iż-żminijiet għaliex ma beżgħet qatt mill-isfidi li sabet quddiemha.

Huwa dan kollu li fil-fehma tagħna jagħmel organizzazzjoni kbira aktar b’saħħitha, li tagħraf tadatta għaċ-ċirkostanzi tal-mument li jistgħu jiżviluppaw minn ħin għall-ieħor u tagħti l-kontribut tagħha kull fejn ikun hemm bżonn, kemm fuq bażi lokali kif ukoll fuq bażi internazzjonali. Għalhekk ukoll kien li l-GWU, aktar minn qatt qabel, tgawdi rispett kbir fil-moviment trejdunjonistiku internazzjonali.

Il-Kungress Nazzjonali tal-GWU li ttella’ f’dawn il-jiem kompla juri dan is-sens ta’ tiġdid fil-unjin, b’ħatriet ġodda, li fil-fehma tagħna se jkomplu jagħmlu lil din il-unjin aktar dinamika u aktar adatta għaż-żminijiet tal-lum li qed ikunu magħġunin fit-teknoloġija diġitali u l-Intelliġenza Artifiċjali, li qed jibdlu għalkollox il-fiżjonomija tad-dinja tax-xogħol u għaldaqstant, l-impjiegi. 

Dan kollu jitfa’ aktar responsabbiltà fuq it-tmexxija tal-GWU, biex tagħraf tkompli, kif dejjem kienet, taġixxi skont dak li hu ta’ bżonn għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin kollha. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport