Waqt konferenza tal-aħbarijiet ġie mħabbar li tlesta l-ewwel fażi ta’ gym ġdid f’San Vinċenz de Paul. Dan se jibda jintuża kemm mill-ħaddiema tal-isptar, kif ukoll mill-players tan-nursery tal-Klabb tal-Football Luqa St. Andrew’s. L-inawgurazzjoni ta’ dan il-gym saret mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima. Ġie ffirmat ukoll ftehim bejn it-tmexxija tal-Isptar San Vinċenz u l-Klabb tal-Football Luqa St. Andrew’s biex il-faċilitajiet jintużaw mill-klabb, b’kollaborazzjoni bejn iż-żewġ naħat. Għandhom jibdew ukoll taħditiet biex il-binja preżenti tiġi estiża u tinkorpora wkoll gym rikreattiv li jkun aċċessibbli ħalli jintuża mill-anzjani ta’ ‘l fuq minn 65 sena.
Proġett pilota
F’din l-ewwel fażi l-gym għandu kapaċità ta’ 20 persuna f’kull ħin u se jopera bħala proġett pilota. Il-ħaddiema ta’ SVDP jistgħu jużaw il-faċilitajiet kemm waqt il-break tagħhom, kif ukoll meta ma jkunux xogħol u fl-istess ħin ikunu jistgħu jagħmlu użu minnu l-players ta’ Luqa St. Andrew’s. Fit-tieni fażi l-kapaċità ta’ persuni li jkunu jistgħu jagħmlu użu mill-gym f’daqqa se titla’ għal 35 persuna.L-ewwel fażi tinkludi l-installazzjoni ta’ apparat professjonali, showers ġodda, changing rooms u locker rooms. L-apparat huwa konformi ma’ gyms kummerċjali oħrajn u jinkludi apparat għall-eżerċizzji kardjovaskulari, weight training u oħrajn. Il-gym se jitmexxa minn manager b’esperjenza professjonali fit-taħriġ fejn se jassisti lil dawk li jattendu bi programm personali.
“Bidu ta’ proġett li se jeħodna fuq livell iżjed professjonali”
Etienne Abela spjega li, “dan huwa l-bidu ta’ proġett li finalment se jeħodna fuq livell iżjed professjonali, li mhux biss se jinkludi l-ħaddiema u l-players tal-klabb tal-football, imma qegħdin naraw ukoll il-ħsieb li fih ikun hemm integrat attivitajiet li jistgħu jiġu organizzati għar-residenti f’San Vinċenz, kif ukoll dawk fi djar tal-anzjani fil-komunità”. Il-Ministru Abela żied jgħid li, “għalhekk fih qegħdin naraw proġett interġenerazzjonali b’post mill-aqwa biex il-ħaddiema u l-players, filwaqt li jagħmlu użu mill-faċilitajiet, il-komunità tal-anzjani tkompli titħallat ma’ żgħażagħ li jkunu qegħdin jiffrekwentaw il-post.” Il-Ministru Clifton Grima min-naħa tiegħu faħħar l-inizjattiva u fakkar li meta jitkellmu dwar sport, ikunu qegħdin iħarsu lejn settur sħiħ, minn attività fiżika li tibda minn età bikrija, sa attivitajiet immirati għall-ġenerazzjoni matura.
“Għalhekk l-isport huwa proċess tul il-ħajja li jrid jibda minn kmieni kemm jista’ jkun u jibqa’ għaddej sa età matura. Fuq skala nazzjonali qegħdin inkomplu ninvestu bla preċedent f’faċilitajiet sportivi li jkunu aċċessibbli għal kulħadd u li jkunu qrib kemm jista’ jkun tal-komunitajiet,” temm il-Ministru Grima.