Ara! Uħud minn dawk li dejjem immilitaw biex idaħħlu lil Malta akkost ta’ kollox bħala membru fl-Unjoni Ewropea, illum issibhom igħidu li l-Unjoni messha tagħti trattament speċjali lill-gżejjer. Il-qagħda tagħhom tpoġġihom fi żvantaġġi kbar meta jiġu biex iħaddmu r-regoli ta’ bejn l-imseħbin fl-Unjoni! Huma dejjem argumentaw li r-regoli tal-isħubija ġid biss jagħmlulna. U li fejn joħolqu problemi, l-Unjoni ddaħħal miżuri li jtaffu l-effetti negattivi ta’ xi regoli tas-sħubija fuq l-ekonomija tal-pajjiżi żgħar u/jew gżejjer.
Veru li ċerti għajnuniet ingħataw. Kienu ta’ darba. F’ħafna oqsma, mas-sħubija, daħlu kompetizzjoni li ma kellna l-ebda mezz biex inlaħħqu magħha u obbligi li komplew inaqqsu l-kompettitivtà tagħna. Malta għamlet progress f’oqsma fejn l-Unjoni Ewropea ma kellhiex regoli jew ftit li xejn – is-servizzi marittimi, is-servizzi finanzjarji, l-imħatri bl-internet, it-turiżmu… Fl-oqsma l-oħra bħall-biedja u l-manifattura, morna lura sew. Imma r-regoli tal-Unjoni issa qed jinfirxu lejn is-setturi “ġodda” li dħalna fihom…
Dawk li daħħluna fl-Unjoni, illum qed jilgħabuha tad-difensuri ta’ Malta fuq dan il-front! Xieraq wieħed jistaqsi: Liem’hi l-aqwa lealtà tagħhom? Lejn Malta? Jew l-Unjoni Ewropea?
DENI ELETTORALI
Id-deni elettorali tiela’. Il-kelma ma tantx hi tajba, għax deni ġġorr magħha s-sentiment ta’ qrusa u mard. Waqt li elezzjoni (ma’ dak li jwassal għaliha) hu eżerċizzju san li jikkonferma r-rabta tal-pajjiż mad-demokrazija. Hu xinhu, tidher illum bħala ħaġa ċara li t-tħejjijiet għal elezzjoni qed jirrankaw. Kandidati elettorali bdew iħabbtu l-bibien. Qed jikkargaw il-messaġġi tagħhom fil-mezzi soċjali.
Hemm min iqis li la d-deni elettorali tqawwa, l-aħjar ħaġa tkun għall-gvern li jvara l-elezzjoni. Jekk itawwal u jħalli l-elezzjoni mdendla, ikun ipprovda lill-Oppożizzjoni bl-opportunità biex tissettja l-magna elettorali tagħha. Imbagħad tkun ingħatat ċans ieħor biex tikkarga l-magna tagħha.
Mhux kulħadd jaqbel ma’ dil-fehma.
L-EFFETTI EKONOMIĊI
Banek, konsulenzi professjonali, ġurnali, ministeri tal-finanzi fost oħrajn, qegħdin isegwu kull aspett tal-gwerra fl-Iran biex ikunu jistgħu jbassru tajjeb il-konsegwenzi ekonomiċi tagħha fuq il-bqija tad-dinja. Għax ħaġa waħda żgur tidher ċara sa issa; li l-impatt tal-gwerra mhux se jkun biss reġjonali imma se jinxtered ma’ kull rokna tad-dinja.
Waqt li l-inflazzjoni hi l-impatt li jissemma l-aktar – talanqas għall-bidu – l-inkwiet infirex dwar skarsezzi li jistgħu jiżdiedu f’materji kritiċi għall-produzzjoni ta’ oġġetti li saru vitali fl-ekonomiji moderni – speċjalment fil-komunikazzjoni. Il-problema qed tkun li bl-avvanzi ma jaqtgħu xejn fis-sistemi teknoloġiċi ta’ kif titmexxa l-ekonomija moderna, hi ħaġa diffiċli ħafna li tibni mudell ta’ kif ir-rabtiet globali li jsostnu dawn l-avvanzi, se jintlaqtu u se “jirrispondu” għax-xokk tal-gwerra għaddejja.

