Sunday, November 24, 2024

Gzira U. jiksbu l-kwalifikazzjoni wara l-għoti tal-penalties

Glentoran - 1 Gzira U - 1 (14-13 wara l-għoti tal-penalties) (agg. Skor 16-15)

Aqra wkoll

Glentoran: 1-Aaron McCarrey, 8-Rhys Marshall, 5-Aidan Wilson, 4-Luke McCullough, 11-Daire O’Connor (27-Leon Philip Boyd 97), 38-Niall McGinn (18-Jay Donnelly 69), 15-Fuad Sule, 8-Bobby Burns, 12-James Singleton, 40-Junior Ogedi-Uzokwe (35-Rhys Walsh 79), 10-Rory Donnelly (30-Jordan Jenkins 111) Coach: Warren Feeney.

Gzira U.: 1-David Cassar, 8-Zachary Scerri, 98-Jackson Mendoza, 93-Thiago Espindola, 9-Marcelo Dias, 2-Carlos Chaba, 11-Lucas Macula (21-Ryan Essaka 89), 20-Farid Romero Zuniga, 74-Jose Wilkson Teixeira, 47-Brooklyn Borg, 23-Ewerton (4-Andy Borg 77) Coach: Darren Abdilla.

Referee: Sigurd Smehus Kringstad (Norveġja)
Ass. Referees: Oystein Simon Yterland, Runar Langseth (Norveġja)
Raba’ Uffiċjal: Daniel Higraff (Norveġja)
Skorers: L. Macula 67 (GZR), B. Burns 103 (GLN)
Ammoniti: D. Cassar, J. Mendoza, F. R. Zuniga (GZR), R. Donnelly, F. Sule, J. Donnelly, A. Wilson (GLN)

Gzira United kisbu l-kwalifikazzjoni għat-tieni round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa Conference League meta barra minn darhom għelbu l-isfida tal-Irlandiżi ta’ Glentoran bl-iskor ta’ 14-13 wara l-għoti tal-penalties.

B’hekk, wara li fl-ewwel leg kienu kisbu draw ta’ 1-1 f’pajjizna, il-Maroons kisbu l-passaġġ għar-round sussegwenti bi skor aggregate ta’ 16-15.

Kienu Glentoran li ħolqu l-ewwel periklu fit-tmien minuta meta Junior Okedi-Uzokwe għadda tajjeb lejn Niall McGinn li kellu xutt mid-distanza salvat minn mal-art b’diffikultá mill-goalkeeper ta’ Gzira, David Cassar.

Huma komplew fuq l-offensiva u fis-16-il minuta rebħu penalty meta Marcelo Dias waqqa’ lil Niall McGinn fil-kaxxa. Mill-11-il metru nkariga ruħu Bobby Burns li iżda kellu x-xutt fil-baxx b’saħħtu tiegħu jintemm ftit barra.

Kulma jmur kompla d-dominju tal-Irlandiżi u fis-36 minuta konklużjoni mid-distanza ta’ Donnelly għal ftit ma ngannatx lil David Cassar hekk kif ġiet devjata f’corner minn Carlos Chaba.

Fil-ħin miżjud ta’ din it-taqsima, freekick insidjuż ta’ McGinn dejjem għal Glentoran ġie ppanċjat f’siġurtá bil-ponn u bis-saħħa minn Cassar.

Gzira United fetħu l-iskor fis-67 minuta meta Ewerton għadda tajjeb lejn Thiago Espindola li kellu x-xutt tiegħu jaħbat mal-wieqfa, biex mir-rebound, LUCAS MACULA, minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa.

Glentoran wieġbu fl-74 minuta meta Fuad Sule kellu xutt fil-baxx jiġi salvat parzjalment bi bravura minn Cassar, b’Zachary Scerri jkun pront u jikklerja l-ballun f’corner.

Huma komplew fuq l-offensiva fit-tentattiv ovvju li jġibu l-isksor indaqs u sitt minuti wara reġa’ kien David Cassar l-eroj għall-Maroons meta konklużjoni mill-isbaħ minn tarf il-kaxxa ta’ Bobby Burns ġiet salvata bi bravura mill-goalkeeper ta’ Gzira.

Fil-ħin miżjud Jay Donnelly kellu daqqa ta’ ras mill-viċin tintemm ġewwa iżda r-referee Norveġiż, Sigurd Smehus Kringstad, kien pront u ħassar dan il-goal minħabba offside.

Iżda l-goal għalihom kellu jasal 13-il minuta fuq il-ħin miżjud, meta Aidan Wilson bir-ras għadda tajjeb lejn BOBBY BURNS li minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa biex sforza l-ħin barrani.

Fil-103 minuta Glentoran resqu ferm viċin li jaqilbu l-iskor favurohom meta Bobby Burns kellu x-xutt tiegħu salvat b’mod spettakolari minn David Cassar mgħejjun mill-wieqfa.

U l-iskor sa tmiem il-ħin barrani baqa’ ma nbidilx biex il-partita kellha tmur għall-għoti tal-penalties, bi Gzira ikunu finalment huma li joħorġu rebbieħa.

Sport