Friday, October 4, 2024

Gzira United jegħlbu lil Marsaxlokk b’mod drammatiku

Aqra wkoll

Marsaxlokk …….0

Gzira United …..1

Minn Cristian Muscat

Gzira United għelbu lil Marsaxlokk bl-iskor ta’ 1-0 bil-goal jasal minuta mit- tmiem.

Din kienet rebħa meritata għall-Maroons għax jekk kien hemm team li kellu joħroġ bil-punti massimi kellhom ikunu l-Gżirjani minħabba li kienu l-aħjar għal ħinijiet twal u ħolqu diversi azzjonijiet denji ta’ nota iżda sabu lill-goalkeeper Serb, Marko Drobnjak, f’vena mill-aqwa fejn salva diversi goals ċerti.

Gzira dehru organizzati aħjar minn kull lat f’kull dipartiment tal-ground u ftit li xejn taw ċans lix-Xlukkajri jiddettaw u jiftħu l-logħob tagħ­hom.

Min-naħa l-oħra Marsaxlokk naqsu milli jsibu l-ispazji, anzi bdew jiġu esposti mill-Maroons li bdew jope­raw mill-faxex lateral biex xeħtu lill-avversarji jassorbu l-pressjoni tagħhom.

Ix-Xlukkajri ddiżappuntaw bil-kbir wara l-prestaz­zjonijiet brillanti fil-kompetizzjoni Ewropea tal-UEFA Conference League. 

Kien biss fid-19-il minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota, bi Gzira jkunu huma li joħolqu l-periklu meta xutt angolat minn tarf il-kaxxa ta’ Hassany Faysal għadda ftit għoli.

Il-kumplament ta’ din it- taqsima kien karatterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground, fejn ma ġiet innotata l-ebda azzjoni oħra denja ta’ nota miż-żewġ timijiet.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Gzira ħarġu ferm aggressivi u fis-47 minuta Christian Saint Ebinsindor avvanza tajjeb qabel kellu x-xutt fil-baxx  salvat bi bravura minn Drobnjak.

Huma komplew jiddettaw il-logħob u fit-52 minuta tilfu cans tad-deheb li jiftħu l-iskor meta Thaylor Aldama indirizza cross-shot għan-nofs li ġie mblukkat mid-difiża ta’ Marsaxlokk u mir-rebound, Brooykln Borg reġa’ sab lil Drobnjak attent.

Fid-89 minuta, Gzira skor­jaw dak li kellu jkun il-goal tar-rebħa meta Thaylor Aldama  avvanza fil-kaxxa u għadda lejn is-sostitut ALEX DA PAIXAO ALVES li b’xam­ma kbira għall-goal u  xeħet fix-xibka.

marsaxlokk: 95-Marko Drobnjak, 3-Jefferson De Jesus Santos (9-Patrick Nonato 90), 4-Karl Micallef, 10-Yuri De Jesus Messias, 11-Duane Bonnici (96-Igor Do Nascimento 74), 17-Jacob Walker (24-Enmy Mnauel Pena Beltre 74), 19-Jose Ulises Arias (6-Nikolai Muscat 74), 22-Lucas Emanuel Lopez, 23-Alex De Aguilar, 27-Leandro Aguirre, 30-Ryan Scicluna  – Coach: Winston Muscat

gzira u.: 30-Darijan Zarkov, 5-Enrico Pepe, 7-Thaylor Aldama, 8-Zachary Scerri, 9-Marcelo Dias, 11-Hassany Faysal (20-Alex Da Paixao Alves 63), 14-Luis Carlos Riascos (4-Joseph Minala 63), 18-Christian Saint Ebisinidor, 23-Farid Romero Zuniga, 47-Brooklyn Borg (92-Kevin Tulimieri 71), 93-Thiago Espindola  – Coach: Andrew Cohen

REFEREE: Alex Johnson

ASS. REFEREES: James Muscat, Mark Ciantar

RABA’ UFF: Philip Farrugia

SKORER: A. Da Paixao Alves 89 (GU)

AMMONITI: H. Faysal, L. C. Riascos, Z. Scerri, F. R. Zuniga (GU)

Sport