Gżira United Veterans rebħu s-Super Cup organizzata mill-Veterans Malta Football Association meta fil-Mediterranean College of Sports f’Birkirkara għelbu lil Malta Football Players Association 5-4.
Kienet logħba ferm interessanti bil-Maroons li ddominaw l-ewwel taqsima u saħansitra kienu 4-1 minn fuq. Minkejja kollox, l-MFPA wettqu reazzjoni u rnexxielhom iġibu l-iskor indaqs għal 4-4 għalkemm fl-aħħar mill-aħħar kienu Gżira li ħarġu rebbieħa b’gowl drammatiku għal skor finali ta’ 5-4.
L-eroj għall-Maroons kien Ian Zammit li skorja żewġ gowls b’Daniel Mariano Bueno, Kevin Sammut u l-akkwist il-ġdid Sebastian Nayar li ssiġġillaw l-iskor għat-tim tagħhom.
Gareth Sciberras, Mark Barbara, Alexandar Ribic u Manuel Sevasta żammew lil MFPA fil-logħba.
Fi tmiem il-konfront setgħu jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet hekk kif ir-rappreżentant mill-kumpanija KT Services Timmy Zammit ippreżenta t-tazza lill-captain ta’ Gżira United Jonathan Pearson.
Din kienet it-tielet darba konsekuttiva li huma rebħu din it-tazza.
Referee kien Lorry Sammut.