Sunday, November 24, 2024

Gżira United Veterans u Birkirkara St Helen’s fl-ewwel post

Aqra wkoll

Gżira United Veterans u Birkirkara St Helen’s kisbu rebħiet ferm importanti sabiex telgħu waħedhom fl-ewwel post tal-klassifika tal-VMFA Cisk Premier League.

Birkirkara St Helen’s għelbu lil Żejtun Red Stars 5-3 f’logħba missielta. Il-Karkariżi ddominaw l-ewwel taqsima tant li skorjaw erba’ gowls biż-Żwieten li tjiebu fit-tieni taqsima, komplew naqqsu l-iskor għalkemm ma setgħux isalvaw il-logħba.

Malcolm Bugeja skorja doppjetta filwaqt li Firas Aboulezz, Claudio Calleja u Robert Perkins għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom.

Żejtun naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ doppjetta ta’ Nikolay Filipov u gowl ieħor ta’ Ryan Theuma.

Referee: Alex Grech.

Gżira United żammew il-pass ma’ Birkirkara hekk kif għelbu lil Żurrieq Wolves 3-1.

Il-Gżirjani ma sabuhiex faċli jinfdu d-difiża organizzata taż-Żrieraq għalkemm fl-aħħar mill-aħħar xorta ħadu t-tliet punti wara li skorjaw minn doppjetta ta’ Kevin Vella u gowl ieħor ta’ Gilbert Camilleri Lowell. Josef Vassallo skorja l-uniku gowl ta’ Żurrieq Wolves.

Referee: Alex Grech.

Sadanittant il-logħbiet l-oħra mis-sitt ġurnata ta’ dan il-kampjonat iġifieri Rabat kontra Hibernians u Luxol kontra MFPA ġew imħassra minħabba l-maltemp. Dawn il-logħbiet issa se jintlagħbu nhar l-Erbgħa li ġej.

KLASSIFIKA – VMFA CISK PREMIER LEAGUE

Gżira United, Birkirkara St Helen’s 13, Rabat Veterans 10, Hibernians 9, Luxol 7, Żejtun Red Stars 6, MFPA 5, Żurrieq Wolves 0

Sport