“Jien għalissa qiegħed ngħid li min għandu jagħmel l-istudji, jiġi jagħmilhom. Jien għandi l-istudji tiegħi u aħna nafu x’qegħdin naraw. Nafu f’hiex qiegħed jikkonsisti t-tibdil u hemm indikazzjonijiet ċari ta’ x’inhuwa jiddisturba dan iċ-ċiklu. Hawn nappella biex anke l-awtoritajiet regolatorji fil-pajjiż jagħmlu l-istess u biex impoġġu madwar mejda. Ħa nkun ċar… Aħna m’aħniex se nassorbu waħidna dan it-telf”.
Qal dan lil dan is-sit, Dott. Charlon Gouder, Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni tal-Produtturi tal-Akwakultura Maltija għall-mistoqsija li għamilnielu dwar jekk il-kwalità ħażina tal-baħar, li indika bħala waħda mir-raġunijiet li waslet biex is-sena l-oħra kien hemm 40% tnaqqis fil-valur tal-esportazzjoni tal-prodott, hiex riżultat ta’ ħmieġ ikkawżat minna stess.
Fl-2023 l-industrija tal-akwakultura Maltija li tipproduċi l-aktar it-tonn biex tesportah, ħadet daqqa ‘l isfel hekk kif irreġistrat tnaqqis sostanzjali b’valur ta’ kważi €120 miljun inqas meta mqabbel mas-sena preċedenti. Din l-istatistika uffiċjali qiegħda titlob l-attenzjoni u azzjoni kemm mill-operaturi tal-industrija, il-Gvern u l-poplu inġenerali bil-għan li naraw kif, anke jekk hemm bżonn ta’ aktar studji, nindirizzaw din il-problema.
“Hemm bżonn li kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu”
Bħal kull industrija oħra, dik tal-akwakultura tiddependi mill-bejgħ tal-prodott tagħha u biex tibqa’ sostenibbli s-saħħa fil-produzzjoni u l-kompettività, huma kruċjali. Dott. Gouder insista li hemm bżonn li kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu għas-sitwazzjoni preżenti li tinsab fiha l-industrija tal-akwakultura. Huwa li diġà tkellem mal-midja u anke ħarġu stqarrija rigward l-informazzjoni maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, fl-istess ħin qal li l-industrija tagħna hija attrezzata u tiflaħ.
Spjega li, “it-tnaqqis ta’ 40% tal-esportazzjoni ta’ dan is-settur kien dovut għal żewġ affarijiet. L-ewwel aspett huwa dak kummerċjali. Dan ġie affetwat mill-effetti ġeopolitiċi bejn iċ-Ċina u l-Ġappun. Għalhekk aħna kontinwament naħdmu fuq pjan ta’ diversifikazzjoni. Fil-fatt din il-ġimgħa għadha kemm daħlet l-ewwel konsenja ta’ tonn fiċ-Ċina. Ovvjament din l-industrija hija wkoll volatili minħabba l-kwistjonijiet tal-kambju. Però, lil hinn minn dawn il-kwistjonijiet kummerċjali, kif għidna diġà daqqa waħda iva imma tnejn ma nifilħuhomx. Dan huwa kliem goff imma jien naf x’qiegħed ngħid. Jekk m’aħniex se nindirizzaw ċertu problemi li qegħdin naraw li qegħdin magħna bħalissa ma’ saqajna li se jkomplu jnaqqru l-kompetittività tat-tonn, din l-industrija taf tkun qiegħda tiddgħajjef ħafna”.
Hawn staqsejnih jekk is-sena l-oħra l-prezz tat-tonn tagħna baqax l-istess jew inkella żdiedtx. Dott Gouder irrisponda li, “minħabba li l-kwistjonijiet ġeopolitiċi li hemm bejn iċ-Ċina u l-Ġappun, il-prezz tat-tonn niżel. Malta esportat ammonti akbar ta’ tonn, però bi prezz inqas. Dan jispjega l-fatt li s-sena li għaddiet, 2023, l-industrija ġġenerat kważi €120 miljun inqas f’bejgħ ta’ prodott għall-esportazzjoni”.
Kwalità ħażina tal-ilma tal-baħar
It-tieni problema li semma’ dan il-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni hija dik ambjentali kawża ta’ kwalità ħażina tal-ilma tal-baħar. Dott. Gouder spjega kif is-sena li għaddiet bdew jaraw ċertu tibdil negattiv fil-kwalità tal-baħar fejn għandhom l-industrija. Żied li, “din is-sena rajna tibdil agħar bil-konsegwenza li l-industrija naqset il-produttività tagħha. Kellna disturb fiċ-ċiklu naturali tal-istaġun tat-tonn. Aħna min-naħa tagħna bdejna nanalizzaw dawn il-fatturi li mhumiex fatturi relatati biss mat-tibdil fil-klima… Ħa nkun ċar daqs il-kristall għax dawn huma fatturi ġejjin ukoll mill-kuntest lokali”.
Mistoqsi humiex jitolbu xi tip ta’ inċentivi bħala għajnuna, Dott Gouder qal li, “jien m’jien nitlob xejn. Min għandu jistudja u jħares li l-affarijiet qegħdin hemmhekk, jagħmel il-parti tiegħu. Jien dik biss qiegħed nitlob… Li kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu. Aħna nerfgħu r-responsabbiltà tal-industrija”.
Insista li din hija industrija li jemmnu fiha u li jista’ jkollha futur. Dott Charlon Gouder spjega wkoll li l-industrija tal-akwakultura hija importanti ħafna għall-esportazzjoni lokali. Dan għax “m’għandniex ħafna industriji ta’ esportazzjoni fil-pajjiż partikolarment li huma home grown. Allura, ejja nieħdu ħsiebha u nieħdu ħsiebha mhux biss li l-kummerċant jagħmel il-parti tiegħu u jibni fuq dak li jkun għamel fiż-żmien li għaddew biex ikompli jikber, mhux biss fuq l-aspett klimatiku għax bħal kull industrija oħra tas-sajd, il-bidla fil-klima qiegħed iħalli l-effett tagħha”.
“Dan huwa fatt li aħna nafuh u qegħdin inħarsu lejh ukoll għax miegħu qiegħed iġib ukoll differenzi fit-temperaturi tal-baħar tagħna. Dwar dan m’hemmx dubju u ma nistgħux naħarbuhom. Però, imbagħad, il-mod ta’ kif qiegħed jinbidel il-kwalità tal-ilma, naħseb li min għandu jħares lejh, għandu jħares lejh u jrid joqgħod ftit attent. Dan f’kuntest totali”.
Impenn mill-Gvern biex ikun ta’ sostenn għall-importaturi lokali
Diversifikazzjoni bl-ewwel konsenja ta’ tonn bil-baħar minn Malta fiċ-Ċina
Hekk kif qalilna Dott. Charlon Gouder, din il-ġimgħa s-Segretarjat Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, ikkonferma l-wasla tal-ewwel konsenja ta’ tonn bil-baħar minn Malta lejn iċ-Ċina. Dan isegwi għadd ta’ esportazzjonijiet ta’ merkanzija bl-ajru iżgħar permezz tal-ftehim ta’ esportazzjoni bilaterali li seħħ bejn il-Gvern ta’ Malta u dak taċ-Ċina f’Novembru tal-2023.
Fir-rigward is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, qalet li, “is-suċċess ta’ dawn l-esportazzjonijiet lejn suq kbir ġdid hija xhieda tal-ħidma diliġenti taż-żewġ gvernijiet biex inkunu fost l-ewwel pajjizi fil-Mediterran li qegħdin nidħlu fis-suq Ċiniż”. Speċifikat li l-appoġġ tal-Gvern Malti biex jgħin lill-operaturi lokali jiddiversifikaw lejn swieq ġodda tal-esportazzjoni huwa riżultat ta’ qbil bejn il-gvernijiet, li jinvolvi appoġġ tekniku u diplomatiku f’kull livell.
Diskussjonijiet diplomatiċi li wittew it-triq…
Fil-fatt, l-ewwel laqgħat kienu bdew fl-2021 meta l-Gvern irċieva talba minn operaturi lokali li kienu interessati li jesploraw swieq ġodda. Id-diskussjonijiet diplomatiċi li segwew wittew it-triq għal ħidma teknika aktar avvanzata biex tassigura li l-prodott lokali ikun konformi ma’ standards ta’ sigurtà tal-ikel kif inhu mitlub mis-suq Ċiniż. Illum qegħdin naraw il-frott ta’ dan l-impenn lejn dan is-settur.
“Dawn l-esportazzjonijiet waslu f’mument importanti għall-operaturi lokali li kienu qegħdin iħossu pressjonijiet tas-suq minn dipendenza kważi esklussiva fuq suq wieħed tal-esportazzjoni. Id-diversifikazzjoni tas-suq tiżgura li l-produtturi lokali jkunu jistgħu jkomplu jżommu negozju ta’ esportazzjoni b’saħħtu filwaqt li tiżdied id-domanda għall-prodotti tagħna,” spjegat Alicia Bugeja Said. Irrimarkat ukoll li issa jmiss li bħala Gvern naħdmu biex jibda jiġi esportat anke t-tonn tas-sajjieda ħalli jgawdu minn prezzijiet aħjar għall-prodotti tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari kkonkludiet li huwa ta’ sodisfazzjon kbir meta tara l-impenn tal-Gvern iwassal għal dawn ir-riżultati pożittivi bil-għan li l-prodott lokali jibqa’ mfittex fi swieq globali. “Ħdimna qatigħ biex illum qegħdin naraw li l-prodott tal-industrija se jkun qiegħed jitwassal fi swieq globali,” temmet Alicia Bugeja Said.