Raġel li nstab ħati li seraq karozza kien ikkundannat sitt snin u sitt xhur ħabs bil-piena titla’ wara li kien diġà nstab ħati ta’ reati oħra fil-passat.
Simon Borg kien mixli li f’xi jiem qabel l-14 ta’ Novembru 2017 seraq Toyota Ractis b’dannu għal Emanuel Mangion.
Huwa kien mixli wkoll li fis-7 ta’ Novembru tal-istess sena, minn ġewwa binja f’Birkirkara, seraq diversi għodod b’dannu għal Cedric Zammit.
Borg ġie akkużat ukoll li fit-3 ta’ Novembru 2017, minn Ozone Properties f’Ħal Qormi, seraq għodod b’dannu għal Carlo-Antonio Vassallo.
Huwa kien mixli anke li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li ngħata minn maġistrat, ordni ta’ probation li ngħatatlu minn maġistrat oħra kif ukoll li diversi sentenzi tal-Qrati ta’ Malta.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech semgħetu jammetti li ħa l-karozza mingħajr il-permess ta’ sidha u mix-xhieda tal-prosekuzzjoni sabitu ħati wkoll li seraq l-għodod.
Hija ikkundannatu ħames snin u nofs b’rabta ma’ dan is-serq u magħhom żiditlu sena oħra talli kiser sentenza tal-Qorti għal total ta’ sitt snin u nofs.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi Kylie Borg u Elton Taliana.