Thursday, December 26, 2024

Ħabs għal żewġt irġiel fuq serq mill-Isla

Aqra wkoll

Żewġt irġiel suspettati li wettqu numru ta’ serqiet fl-Isla, ntbagħtu l-ħabs wara li tressqu fil-Qorti fejn ammettew l-akkużi miġjuba kontrihom.

Emanuel Bianchi ta’ 36 sena minn San Pawl il-Baħar u Gilmour Flask ta’ 23 sena residenti l-Isla ġew rintraċċati mill-investigaturi wara li fl-aħħar jiem saru diversi rapporti ta’ serq mil-lokalità.

Mill-filmati tas-CCTV u mir-rapporti li saru, il-pulizija rnexxielhom jaslu għaż-żewġt irġiel li mbagħad ġew arrestati u mressqa il-Qorti fejn ġew mixlija b’serq ta’ għodda minn dar li fiha ma joqgħod ħadd. Diversi oġġetti kienu ġew misruqa matul il-lejl fuq perjodu ta’ sitt ijiem f’Marzu. 

L-irġiel kienu akkużati wkoll li serq mwejjed li kienu fuq barra ta’ restorant li bħalissa jinsab magħluq bi prekawzjoni minħabba l-Coronavirus.

Bianchi waħdu kien akkużat li kiser it-termini ta’ ordni ta’ probation mogħtija lilu f’Novembru tal-2018 kif ukoll li sar reċediv. 

L-Ispettur Eman Hayman spjega lill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li quddiemha tressqu l-irġiel, kif is-serq li kien qiegħed isir matul il-lejl ħoloq tħassib fost ir-residenti, li bdew joqogħdu b’seba’ għajnejn għal min kien qiegħed iwettaq dawn ir-reati.

Iż-żewġt irġiel wieġbu li huma ħatja tal-akkużi li nġiebu kontrihom, bil-Qorti tikkundanna lil Flask għal piena ta’ disa’ xhur ħabs waqt li Bianchi kien ikkundannat 18-il xahar ħabs. 

L-Avukat Veronica Anne Spiteri dehret għall-irġiel.

Ekonomija

Sport