Friday, December 27, 2024

Ħabs u multa ta’ €70,000 wara li qarrqet bin-nies li kellha bżonn il-flus għall-kanċer

Aqra wkoll

Żabbarija ta’ 61 sena ġiet ikkundannata erba’ snin ħabs u mmultata €70,000 wara li nstabet ħatja li ffrodat tliet persuni s-somma ta’ €470,000.

Hija kienet qarrqet bihom billi qalet li teħtieġ fondi għat-trattament tal-kanċer u minflok kienet tuża l-flus biex tiffinanzja l-vizzju tal-logħob tal-azzard li kellha.

Anna Cutajar, deskritta mill-Prosekuzzjoni bħala “frodista professjonali”, kienet tressqet f’Novembru li għadda, bil-Qorti tkun infurmata li l-mara ħarġet b’din l-iskema waqt li kienet qiegħda tgħix fuq il-benefiċċji soċjali.

Fil-Qorti ħareġ li Cutajar kienet titlob donazzjonijiet, u tgħid lill-vittmi tagħha li kellha bżonn il-flus biex tkopri l-ispejjeż tal-kura tal-kanċer, jew għaliha nfisha jew għat-tifel ta’ ħabibtha li qalet li għandu “marda terminali”.  Iżda rriżulta li l-flus miġbura kienu fil-fatt qed jintefqu fil-casinos.

Waqt l-arrest tagħha, il-mara kienet wieġbet mhux ħatja għal akkużi ta’ frodi, miżapproprjazzjoni u ħasil ta’ flus. Hija kienet inżammet taħt arrest preventiv u tpoġġiet taħt kura psikjatrika.

Hekk kif il-kawża kontra l-mara quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, l-Avukat Ġenerali u d-Difiża kienu ressqu nota konġunta fil-Qorti fejn spjegaw li kien intlaħaq ftehim dwar il-piena.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet, u kkunsidrat il-fedina penali nadifa tal-mara u r-reati li twettqu b’rabta ma’ dan il-każ, il-Qorti kkundannata piena ta’ erba’ snin priġunerija flimkien ma’ multa ta’ €70,000.

Minbarra hekk, il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska tal-assi kollha ta’ Cutajar favur il-Gvern u ordnat lill-mara tħallas l-ispejjeż tal-każ, li jammontaw għal €2,219.

Ekonomija

Sport