Raġel ta’ 49 sena residenti Ħaż-Żabbar, ittieħed l-Isptar Mater Dei wara li kien involut f’inċident tat-traffiku.
Kienu għall-ħabta tad-9:00 a.m, x’ħin il-Pulizija ġiet infurmata li seħħet kollużżjoni fi Triq Alfredo Cachia Żammit, iż-Żejtun.
Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li r-raġel kien qed isuq vettura tat-tip Opel Corsa meta għal xi raġuni tilef il-kontroll u kellu impatt ma’ Ford Fiesta u Nissan Qashqai li kienu pparkjati.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Iktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Distrett dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.