Thursday, December 26, 2024

Ħabta f’San Ġiljan… Taljan fil-periklu tal-mewt u ieħor bi ġrieħi gravi

Aqra wkoll

Matul il-lejl li għadda, għall-ħabta tat-3.00 a.m. seħħet ħabta f’San Ġiljan fejn waħda mill-vetturi ħadet in-nar. F’dan l-inċident kienu involuti żewġ Taljani, li wieħed minnhom jinsab fil-periklu tal-mewt, filwaqt li l-ieħor għandu ġrieħi gravi.

Iż-żewġt irġiel kellhom jittieħdu b’emerġenza l-Isptar Mater Dei, wara li weġġgħu fl-inċident tat-traffiku. Kien għall-ħabta tat-3.00 a.m., li l-Pulizija ġiet informata li kien hemm bżonn l-assistenza minħabba li kien seħħ inċident stradali fi Triq Sant’ Andrija u li l-vettura involuta ħadet in-nar. 

Il-Pulizija mid-Distrett ta’ San Ġiljan, tim mediku mill-Isptar Mater Dei u membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili marru mill-ewwel fuq il-post, fejn sabu vettura maqluba tieħu n-nar u żewġt irġiel jingħataw l-assistenza minn kuntistabbli off-duty u persuna oħra. 

Il-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili bdew jikkontrollaw in-nirien, filwaqt li tim mediku beda jagħti l-assistenza medika lill-irġiel. 

Il-Pulizija bdiet bl-investigazzjoni tagħha fejn irriżulta li, għal xi raġuni, il-vettura tal-għamla Toyota Auris kellha impatt ma’ concrete crash barrier, inqalbet u ħadet in-nar. L-irġiel inħarġu mill-vettura mill-kuntistabbli off-duty u l-persuna oħra, u baqgħu jassistu sakemm waslu fuq il-post il-paramediċi. 

L-irġiel, li aktar tard irriżulta li huma Taljani, ittieħdu l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza għall-kura meħtieġa, fejn ir-raġel ta’ 31 sena ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi, filwaqt li r-raġel l-ieħor ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji. 

Bil-każ ġiet informata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Claire Stafrace Zammit, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti biex jassistuha. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Ekonomija

Sport