Saturday, November 16, 2024

“Ħadd daqs il-minuri ma jgħix il-problemi li ġġib magħha s-separazzjoni”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Intervista mal-eks Prim Imħallef Joseph Azzopardi… Il-ħajja, il-karriera u l-esperjenzi tiegħu

Miktub minn Carmen Cachia                

L-eks Prim Imħallef Joseph Azzopardi dwar id-dewmien biex jinqatgħu ċerti kawżi fil-Qorti 

Joseph Azzopardi, l-eks Prim Imħallef li f’April li għadda rtira wara 17-il sena fil-ġudikatura, qal lil inewsmalta li għalih, ir-raġuni prinċipali għad-dewmien li dejjem jissemma’ fir-rigward ta’ Malta biex jinqatgħu kawżi fil-Qorti,  hija li l-ġudikanti Maltin iridu jaqtgħu madwar it-tripplu tal-kawżi li jaqtgħu ġudikanti barranin. 

F’intervista ma’ dan il-ġurnal huwa rrakkonta kif darba minnhom, waqt li kien f’konferenza, imħallef Tedesk staqsieh kemm kien jaqta’ kawżi fis-sena. “Dak iż-żmien kont fil-Prim’Awla u għidtlu mal-200 u baqa’ skantat. Qalli li huma kienu jaqtgħu bejn 35 u 40 kawża f’sena. Naturalment, dan ma jfissirx li għandhom jinħatru d-doppju tal-ġudikanti li għandna għax lanqas spazju biżżejjed m’hemm u lanqas numru ta’ avukati li jistgħu jinħatru ġudikanti. Però, dan jindika li l-ġudikanti Maltin fil-maġġoranza kbira tagħhom, jagħmlu l-mirakli,” spjega Azzopardi.

Huwa, li fil-karriera estensiva tiegħu fil-qrati lokali esperjenza tant affarijiet, jaqsam magħna t-trobbija, il-familja, l-interess tiegħu fil-politika, l-impenji professjonali u 17-il sena fil-ġudikatura. Il-mixja tal-karriera tiegħu kienet ta’ sodisfazzjon kbira għalih u bi pjaċir jgħid li kien huwa li għamel l-ewwel adozzjoni minn persuni tal-istess sess.

Dan is-sit għamel intervista ma’ Joseph Azzopardi, magħruf għall-approċċ sensittiv li kellu fil-konfront ta’ tfal f’kawżi ta’ separazzjoni. Dan l-eks Prim Imħallef għadu kemm irtira minn karriera legali twila f’April li għadda u se jibqa’ mfakkar għall-professjonalità u dedikazzjoni tiegħu fl-awli tal-Qrati tagħna. It-telfa ta’ missieru, kollettur tal-General Workers’ Union, meta kien għadu fit-tieni sena tal-kors universitarju tiegħu, kienet daqqa iebsa kemm emozzjonalment, kif ukoll finanzjarja. Azzopardi stinka kemm felaħ fl-edukazzjoni tiegħu u daħal għall-kors tal-liġi bil-ħsieb li jwitti triq f’karriera politika. Il-mixja tiegħu tal-ħajja ħaditu lejn direzzjoni oħra fejn fil-quċċata tal-karriera wasal biex laħaq Prim Imħallef fil-Qorti Maltija. 

Tgħidilna ftit dwar it-trobbija tiegħek?

Twilidt fit-8 ta’ April, 1955, l-Isla, minn ġenituri Rabtin. Missieri Michael kien fitter mal-PWD fil-garaxx tal-Gvern il-Marsa. Trabbejt il-Ħamrun minn meta kelli seba’ xhur u attendejt l-iskola Primarja t’hemmhekk. Wara mort l-iskola sekondarja teknika Raħal Ġdid u s-sitt sena fil-Liċeo. Missieri kien ukoll kollettur tal-GWU – kien wieħed mill-ewwel membri tal-Union sa mill-1947 u meta kont tifel kien jeħodni miegħu Mayfair House fejn dak iż-żmien kienet is-sedje tal-Union biex iħallas il-flus li kien ikun ġabar minn sħabu membri.  

Meta u għala ddecidejt li tidħol għal-liġi? 

Dħalt l-Università fl-1973 imma dak iż-żmien il-kors tal-liġi kien jibda kull sentejn u għalhekk bdejt il-kors fl-1974 u gradwajt fl-1979. Il-kors tagħna kien kbir għal dak iż-żmien. Bdejna mad-90 imma spiċċajna 44, fostna xi sitta li kienu rreptew mill-korsjiet ta’ qabilna.  Tħajjart naqbad dan il-kors l-aktar għax kienet togħġobni l-politika u kont imħajjar nidħol għaliha, kif ukoll kont inqis li l-Avukatura kellha tkun “springboard” tajba għal dan l-iskop. 

Imma kif bdejt il-kors mal-ewwel inġbidt ħafna lejn l-istudju tal-ligi. Fil-kors tagħna kien hemm ħafna studenti li kienu diġà impenjati politikament u fil-fatt kellna ħafna li kellhom karriera sabiħa f’dak il-qasam bħal Tonio Borg, Francis Zammit Dimech, Tony Refalo, John Attard Montaldo, Charles Mangion, George Hyzler u aktar riċentement Manwel Mallia. Kien hemm oħrajn li bħali, ma pperseverawx.

Is-sagrifiċċji ta’ ommi biex inkompli nistudja…

Sfortunatament għalija, meta kont fit-tieni sena tal-kors, missieri miet meta kellu biss 48 sena. Kienet daqqa kbira emozzjonali u naturalment anke mil-lat finanzjarju. Dak iż-żmien ma kellniex stipendji u għalhekk bdejt nagħti ftit privat mid-dar biex ikolli xi ħaġa fil-but. Imma rnexxieli nasal. 

Ma nistax hawnhekk ma nsemmix lil ommi li naħseb qagħdet nieqsa minn ħafna affarijiet biex jien stajt inkompli nistudja. Hadt il-warrant f’Jannar 1980 mill-President Buttigieg  u minnufih bdejt naħdem għal rasi. Krejt uffiċċju żgħir fi Triq Villambrosa l-Ħamrun u bdejt nistenna l-klijenti kif kienet l-użanza dak iż-żmien. Ftit kienu sħabi li daħlu jaħdmu ma’ xi ħadd. Il-bidu, naturalment, kien diffiċli ħafna imma ftit ftit bdew jaslu l-ewwel klijenti. Fl-1981 inħtart ukoll direttur il-Mid-Med Bank li kien para statali. Kellna bħala diretturi, onorarju, Lm500 fis-sena. 

Fis-snin 80 kont anke toħroġ għall-politika. Tgħidilna ftit dwar din il-ħidma tiegħek?

Kif għidt, kont interessat fil-politika u kkontestajt fl-elezzjoni tal-1981 mal-Partit Laburista. Kien kmieni wisq għalija għax kont għadni kif bdejt fil-professjoni iżda gibt 413 vot li kont kuntent bihom u minn sena għal oħra, il-klijenti bdew jiżdiedu. Dan kien importanti għalija għax iżżewwiġt fl-istess sena u l-mara tiegħi, kif kienet l-użanza dak iż-żmien, kellha titlaq l-impjieg tagħha bħala għalliema.  

Kellna l-unika bint tagħna fl-1986, li llum hija Avukat taħdem f’ditta ewlenija tal-avukati wara li gradwat kemm Malta, kif ukoll mill-Università ta’ Cambridge fejn ġabet l-MA fil-liġi Kummerċjali u tal-Kompetizzjoni. Għamlitna nanniet f’Ġunju li għadda.

Maż-żmien però, irrealizzajt li l-ħajja ta’ kandidat fl-elezzjoni ma kinitx tgħodd għalija u għalkemm bqajt attiv fl-istrutturi tal-Partit għal xi żmien, iddeċidejt li ma nibqax nikkontesta. Il-politka nbidlet bil-kbir. Sal-bidu tat-tmeniniiijet kien possibbli li teħodha kważi bħala passatemp, imma imbagħad bdiet issir impjieg full-time.  

Għalija l-aktar importanti kienet il-professjoni u ddedikajt il-ħin kollu għaliha.  Madankollu nħoss li ż-żmien li għamilt fil-politika kien ta’ benefiċċju għalija anke professjonalment. Laqqgħatni ma’ ħafna nies li ma kontx insir naf b’mod ieħor u minn uħud minnhom tgħallimt, anke minn nies l-aktar modesti u umli.

Meta u kif dħalt għall-ġudikatura? 

Ġejt avviċinat l-ewwel darba biex insir maġistrat fil-bidu tal-1987 imma l-ewwel ridt li jkolli aktar esperjenza fil-professjoni. Sa dakinhar qatt ma kelli ħsieb li nidħol fil-ġudikatura. Anzi, lanqas qatt ma għaddieli minn moħħi. Imbagħad l-għada tal-Milied tal-1994 ċempluli mill-uffiċċju tal-Prim Ministru. Dr Fenech Adami offrieli l-kariga mill-ġdid. Kont xi ftit maħsud u tħajjart imma meta ħsibtha sew, ċempiltlu l-għada u wara li rringrazzajtu, irrifjutajt l-offerta. Dan l-aktar għal raġunijiet finanzjari peress li kont bdejt immexi sewwa fil-professjoni u naturalment ma ridtx innaqqas mid-dħul tiegħi.

Bqajt naħdem bil-qalb fil-professjoni u fl-1996 ġejt elett membru tal-Kumitat tal-Kamra tal-Avukati u fl-2000 sirt President tal-istess Kamra.  Irrid ngħid li l-atmosfera fl-Avukatura dak iż-żmien kienet sabiħa u kien hemm sens sabiħ ta’ ħbiberija u lealtà bejn l-avukati li ma nafx għadhiex l-istess anke minħabba l-kwanità kbira ta’ avukati li hawn illum. Kelli appoġġ sħiħ minn sħabi bħala President.  

Fl-1997 reġa’ kelli offerta li nsir imħallef mill-Ministru Charles Mangion imma anke dakinhar m’aċċettajtx għal raġunijiet finanzjarji.  Fl-aħħar, f’Mejju 2003 ġejt avviċinat mill-Ministru Tonio Borg u ddeċidejt li naċċetta. Ħassejt li kien wasal iż-żmien għal fażi oħra f’ħajti. Kont ukoll influwenzat mill-fatt li ftit ġimgħat qabel, kien miet wieħed mill-aħjar ħbieb li kelli fl-Avukatura – Dr John Laferla – u rrealizzajt li l-ħajja ma nafux kemm se tkun twila.

X’inhu x-xogħol li għamilt fil-ġudikatura u liema esperjenzi baqgħu f’moħħok?

Id-deċizjoni li ħadt kienet waħda tajba u l-ħajja fil-ġudikatura tatni sodisfazzjon kbir. Kienu 17-il sena li fihom għext b’serenità għalkemm id-diffikultajiet u l-problemi ma jonqsu f’ebda xogħol. Ħdimt fil-Qorti Civili, Sekond’Awla u l-Qorti tal-Familja sal-2013 meta l-Prim Imhallef Silvio Camilleri għoġbu jelevani fil-Qorti tal-Appell (Civili).  

Il-Qorti tal-Familja, għalkemm hija waħda stressanti għall-ġudikant, tagħtni sodisfazzjon għax ħassejt li stajt nagħmel aktar ġid speċjalment lill-minuri. Bqajt niftakar l-aktar f’kawża minnhom fejn il-minuri kienu żewġ adolexxenti tfajliet li kont inkellimhom spiss matul is-smiegħ tal-kawża. Baqgħu jitolbuni l-pariri għal ħafna żmien u wara sirt naf li llum għandhom impjieg tajjeb. 

Kont dejjem inkellem lill-minuri fl-uffiċċju tiegħi fil-preżenza tad-deputat jew deputata assenjata miegħi, matul il-kawża għax kont inħoss li ħadd daqshom ma kien jgħix il-problemi li ġġib magħha s-separazzjoni. Kont jien ukoll fis-Sekond’Awla, li awtorizzajt l-ewwel adozzjoni minn persuni tal-istess sess. Dawn adottaw tarbija ġmiel tagħha li ħadd ma ried jadottaha għax kellha d-Down’s Syndrome. Xi ħaġa li niftakarha bi pjaċir.

Fl-2018 wara li temm il-ħatra bl-età l-Prim Imħallef Camilleri, inħtart minfloku. Dan fisser għalhekk li lħaqt il-quċċata tal-karriera legali tiegħi. Kelli l-vantaġġ li kont digà fil-Qorti tal-Appell u għalhekk mil-lat tal-Appelli Ċivili ma kellix problemi. Madankolu issa kelli mmexxi wkoll il-Qorti Kostituzzjonali u l-Appell Kriminali Superjuri. Biss, sibt għajnuna mil-kollegi li ppresedew miegħi dawn il-Qrati u mexxejna tajjeb. Fl-2019 il-Qorti tal-Appell Ċivili u Kostituzzjonali qatgħet l-akbar numru ta’ sentenzi li qatt tat u dan kien ta’ sodisfazzjon kbir għalija.

Kemm ilek li rtirajt?

Jien kelli nirtira bl-età f’April 2020 u jiddispjaċini li l-emenda kostituzzjonali biex l-età tal-irtirar tiżdied għal 68 ma lħaqthiex għal ftit xhur. Huwa dnub li din l-emenda qatt ma saret qabel għax kienu bosta l-imħallfin li kienu għadhom tajbin biżżejjed biex ikomplu jservu u kellhom jirtiraw.

Kif qiegħed tqatta’ l-ħin tiegħek issa li rtirajt?

Illum qiegħed nieħu okkażjoni biex ingawdi lin-neputi tiegħi Julian kemm jista’ jkun, imma kelli wkoll opportunità nkompli nagħti kontribut billi nħtart biex immexxi xi inkjesti u nieħu pjaċir ikolli dawn l-opportunitajiet.  

X’taħseb dwar is-sitwazzjoni tal-Qorti fi żmien il-pandemija tal-Covid-19?

Il-problemi tal-pandemija minħabba li rtirajt f’April, ilħaqthom biss fil-bidu. Kien żmien diffiċli għax ma konniex nafu x’se jsir u jien kont inkwetat kif sħabi setgħu jkomplu jaħdmu għax per eżempju l-maġistrati ma jistgħux jieqfu meta jitressqu n-nies b’arrest quddiemhom.

Jien stess kellli mat-80 kawżi għas-sentenza fl-Appell u Kostituzzjonali u bżajt li jekk ma nagħtihomx, jintilef ħafna żmien għax jekk ma jingħatawx, il-kawżi jkunu jerġgħu jiġu trattati mill-avukati għax tkun inbidlet il-kompożizzjoni tal-Qorti billi kelli nirtira ftit ġranet wara.  

Għalhekk li nsistejt mal-Avukat Ġenerali biex fl-Avviz Legali li ssospenda x-xogħol ġudizzjarju, titħalla l-possibiltà li l-ġudikant jinvoka l-interess pubbliku u jżomm is-seduta. Kien għalhekk li quddiem awla vojta tajt dawn l-aħħar sentenzi tiegħi. Irrid nagħti gieħ lill-eks kollegi, speċjalment il-magistrati kollha, li mingħajr ma ssemmew wisq, baqgħu jagħmlu d-dover tagħhom minkejja l-periklu tal-pandemija.

Ekonomija

Sport