Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn in-netball?
L-imħabba tiegħi lejn in-netball bdiet meta kelli 17-il sena. Ta’ eta’ zghira kont nilgħab basketball, imma sibt xi ostakli li għamluha diffiċli biex inkompli. Kelli nagħżel jekk niqafx nagħmel sport, jew insibx alternattiva. Kienet ommi li ħeġġitni nipprova netball flimkien maghha. Bdejt nilgħab fid-difiża peró maż-żmien il-kowċ biddlitli l-pożizzjoni għal dik ta’ attakkanta, fejn kelli nitgħallem sew kif nixxuttja.
Jiena, ommi u oħti konna l-ewwel nisa Musulmani f’Malta li dħalna fid-dinja tan-netball. Minn dak il-ħin, ħassejt li għandna messaġġ importanti x’inwasslu: li ħadd m’għandu jħalli xejn iwaqqfu milli jagħmel dak li jixtieq.
Bdejt inħobb in-netball għax ma kienx biss sport li jagħtini ħiliet fiżiċi u soċjali – imma pjattaforma biex inwassal dan il-messaġġ lil żgħażagħ u atleti oħra, speċjalment iż-żgħar. Illum in-netball jagħtini sahha fizika u mentali, dixxiplina, ħbiberiji u ċans biex inkun ta’ ispirazzjoni għal ħaddieħor.
Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek sa issa ma’ Fgura Champs Netball Club, fejn int ukoll il-captain tat-tim.
Meta bdejt mat-tim fl-2016, kien jismu Luxol Champs, u dejjem bqajt mal-istess tim. Illum il-ġurnata t-team huwa magħruf bħala Fgura Champs. Inħossni kburija ħafna li kbirt fih flimkien ma’ ommi u oħti. Minn dejjem konna fost l-ewwel erba’ timijiet tal-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni, u matul dawn l-aħħar snin, ħdimna ħafna biex erġajna bdejna nitilgħu fil-klassifika. Is-sena li għaddiet klassifikajna fit-tieni post tal-kampjonat.
Din is-sena kienet speċjali ħafna għalina – il-ħidma li ilha għaddejja għal żmien twil wasslet biex kellna staġun perfett. Ma tlifna l-ebda logħba u rbaħna l-kampjonat bla telfa waħda. Dan kien frott ix-xogħol fit-tim u d-dedikazzjoni ta’ kull plejer u l-kowċ, Yvonne Barry.
Fil-klabb, jiena għandi r-rwol ta’ Public Relations Officer u wkoll Segretarja. Barra minn hekk, din hija it-tieni sena tiegħi bħala Captain tat-tim. Inħossni onorata li mmexxi lil sħabi u li nkun parti minn tim li għandu qalb kbira u li dejjem jimmira għal iktar.
U dik mat-tim nazzjonali Malti?
Din is-sena kienet il-ħames sena tiegħi f’kompetizzjonijiet internazzjonali, u s’issa lgħabt total ta’ 23 logħba ma’ Malta. F’dawn l-aħħar sentejn, ingħatajt ukoll l-irwol ta’ viċi-captain, li għalija huwa unur kbir. Jien nagħmel l-almu tiegħi kollu mhux biss biex nilgħab tajjeb għal riżultati aħjar, imma wkoll biex inkun ta’ sapport u eżempju għat-tim kollu.
F’dawn l-aħħar logħob internazzjonali, irbaħna żewġ logħbiet importanti kontra l-Iżvizzera u Franza, li kienu rebħiet sbieħ u ta’ sodisfazzjon. Għalkemm tlifna kontra Isle of Man u Ġibiltá, il-livell tat-tim tagħna qed jitjieb b’mod ċar ħafna. Anke fil-logħbiet li tlifna, il-prestazzjoni tagħna kienet b’saħħitha, u turi li qegħdin sejrin fit-triq it-tajba. Din is-sena it-tim nazzjonali kien taħt il-gwida ta’ Kowċ Kathryn Oldfield u l-assistenta tagħha Kowċ Nadya Turban. Nixtieq nirringrazzja lilhom u l-kowċis ta’ qabilhom mil-qalb talli wassluna sabiex intejbu l-livell tan-netball f’Malta permezz ta’ kompetizzjonijiet internazzjonali.
Li nilbes il-kit tat-tim nazzjonali huwa emozzjoni li ma nistax niddeskrivi kif nixtieq. Meta tidħol fil-court bħala Maltija, tirrapreżenta lil kulħadd – lill-familja tiegħek, lill-klabb tiegħek u lil Malta kollha. Għalija dan huwa mument speċjali, ta’ passjoni u dedikazzjoni li jibqa’ miegħi għal dejjem.
X’unuri rbaħt fil-karriera tiegħek sa issa kemm fuq bażi personali kif ukoll bħala tim?
Meta kont nikkompeti fil-kampjonat ta’ taħt il-21 sena mat-tim tal-All Ages U21, kont irbaħt premju għall-Best Player kif ukoll Player of the Year fl-istaġun 2017/18. Mal-klabb tal-All Ages konna klassifikajna wkoll fl-ewwel post tal-kampjonat ta’ taħt il-21 sena. Sentejn ilu ġejt mogħtija wkoll it-titlu ta’ Best International Player kif ukoll Best Shooter. Kemm ili mal-klabb tal-Fgura Champs, klassifikajna fit-tieni post fil-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni f’iżjed minn erba’ staġuni, u din is-sena ksibna l-ewwel post fil-klassifika mingħajr ma sofrejna telfa.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-aħħar staġun, fejn irbaħtu wkoll il-kampjonat?
Fl-aħħar staġun konna tim b’saħħtu ħafna. Kulħadd ħadem ħafna u kien hemm spirtu sabiħ bejnietna. Kull waħda minna tat qalbha u għamilna ħafna sagrifiċċji biex nirbħu l-kampjonat. Dejjem inzilna ghal kull sezzjoni tat-tahrig bl-ghan li nigbdu kollha habel wiehed. Il-kowċ, il-plejers u kulħadd li jgħin lit-tim ħadem ħafna. Ir-riżultat kien wieħed xieraq, ksibna l-kampjonat u dan uriena kemm kapaċi ngħollu l-livell meta naħdmu għal għan wieħed u flimkien.
Kif tqis il-livell tan-netball f’pajjiżna, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Meta bdejt nilgħab in-netball, niftakar li l-affarijiet kienu differenti minn kif inhuma llum. Ma kienx hemm struttura daqskemm hawn issa, u t-timijiet kienu ftit. Illum, il-livell tan-netball f’Malta żdied b’mod qawwi u dan ghaliex hemm aktar taħriġ professjonali, aktar organizzazzjoni, u t-timijiet saru aktar kompetittivi.
Waħda mir-raġunijiet għal dan il-progress hija li qed jiġu offruti diversi korsijiet ta’ taħriġ, kemm għall-kowċis kif ukoll għall-umpires. Dan qed jgħinna ntejbu l-ħiliet tagħna u nwasslu taħriġ ta’ kwalità aħjar lill-plejers. B’dan kollu, il-livell tal-logħba żdied b’mod drastiku, u qed jidher kemm f’logħob lokali kif ukoll f’kompetizzjonijiet internazzjonali.
Għal dawn l-ahhar sentejn bdejt inħaddan ir-rwol ta’ Youth Development Officer fl-Assoccjazzjoni tan-Netball ta’ Malta u fl-2019 u l-2020 kelli l-unur inkun kowċ tat-tim nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena. Sfortunatament, minħabba l-pandemija tal-COVID-19, kollox kellu jieqaf. Minn hemm ‘il quddiem, il-progress tal-Youth categories sab ħafna ostakli, u s’issa għadna ma rnexxilniex nerġgħu lura għal fejn nixtiequ.
Madankollu, fl-aħħar staġun bdejna naraw sinjali ta’ tama, għax aktar żgħażagħ reġgħu bdew jingħaqdu mat-timijiet, imma għad fadal ħafna xi jsir. Hemm bżonn li jiżdiedu n-nurseries f’Malta biex inkomplu nkabbru dan l-isport fost it-tfal u z-zghazagh.
Minn sena ilu, flimkien mal-assistant coach Maria Vella, ħadt ukoll responsabbiltà fuq il-Youth categories, u bħalissa qed naħdmu biex ntellgħuhom f’kompetizzjonijiet internazzjonali. Dan biex nesponuhom għal-loghob f’livell ogħla minn dak ta’ Malta, għax nemmen li huma l-futur tan-netball f’pajjiżna u b’hekk biss nistgħu naraw l-isport jissahhah.
Għat-tieni sena konsekuttiva, irnexxieli nerġa’ nintroduċi n-netball fl-iskejjel permezz tal-‘Malta School Games’, fejn timijiet komposti minn studenti tas-sekondarja jikkompetu biex jikklassifikaw. Is-sena d-dieħla, qed nittamaw li nkunu nistgħu nintroduċu n-netball ukoll fl-iskejjel primarji, biex niżguraw li l-isport jibda minn età bikrija.
Fl-istess ħin, għad hemm sfidi, dawk finanzjarji, kif ukoll nuqqas ta’ courts u spazji fejn it-timijiet jistgħu jitħarrġu. Qabel kien diffiċli biex ikollna aktar nurseries u aktar klabbs. Minkejja dan, il-pass ‘il quddiem sar, u bil-ħidma ta’ kulħadd nistgħu nibnu futur iktar b’saħħtu għan-netball f’Malta.
U dak tar-riżorsi (courts) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Għandna xi courts tajbin fejn nitħarrġu, imma għad hemm bżonn aktar investiment. Ghadna nsibu diffikultà biex insibu courts tajbin biex nitħarrġu, speċjalment peresli hemm numru kbir ta timijiet. Dan is-sajf għandha ssir l-inawgurazzjoni tal-courts tan-netball il-ġodda fil-Marsa. Dan ifisser li se jiżdiedu l-opportunitajiet li tim jista’ jkollu għat-taħriġ. Nittama li fil-futur in-netball ikollu post fuq ġewwa fejn il-plejers tagħna ikunu jistgħu jitħarrġu u jilagħbu l-logħob b’mod professjonali u komdu, filwaqt li nkunu nistghu nospitaw kompetizzjonijiet internazzjonali u nilqgħu timijiet minn barra minn xtutna.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fin-netball?
Nimmaginani nilgħab sakemm saqajja jippermettuli. Għandi passjoni kbira għal dan l-isport u nixtieq li flimkien ma oħti, inkompli nirrappreżenta lil pajjiżi għal ftit snin oħra. Fl-istess ħin se niffoka wkoll fuq it-taħriġ tal-kowċing u l-iżvilupp tat-timijiet taż-żgħażagħ.
Għandi għan ċar quddiemi. Nixtieq noħloq aktar opportunitajiet għal tfal u żgħażagħ biex jikkompetu, għax jien ma kelli xejn minn dawk l-opportunitajiet meta kont fl-eta taghhom. Naf kemm hu importanti li ż-żgħażagħ ikollhom iċ-ċans li jikbru u jitjiebu, speċjalment jekk in-netball se jiġi introdott fl-Olimpjadi fil-futur. Irrid niżgura ruħi li ż-żgħażagħ tagħna jkunu lesti, u jkollhom ghan x’jaħdmu għalih. Bħala għalliema tal-Edukazzjoni Fiżika (PE), naf tajjeb kemm l-isport jista’ jgħin lil kull individwu fiżikament, mentalment u anke soċjalment. U għalhekk nemmen li nista’ ngħaddi dan il-messaġġ ukoll meta nkun qed nikkowcja liż-żgħażagħ.
Waħda mill-ħolm tiegħi hija dik li nilgħab maz-żewġ ħuti ż-żgħar f’livell internazzjonali, mil-inqas darba waħda f’ħajti. Din tkun esperjenza liema bħalha għalija.
Fil-futur naspira li ntejjeb il-ħiliet tiegħi mhux biss fin-netball, imma wkoll fl-oqsma bħal ‘strength and conditioning’, li huma essenzjali għal kull atleta kemm biex ikun b’saħħtu għall-logħba, kif ukoll biex ikollu ħajja attiva u bnina. Nemmen li permezz ta’ taħriġ personali aħjar, nista’ nkun ta’ aktar għajnuna għall-oħrajn u nkompli nkabbar dan l-isport li tant inħobb.
Int ukoll il-kowċ ta’ Ta’ Xbiex ASC Netball Club, fejn fil-jiem li għaddew mexxejthom biex jiksbu l-promozzjoni għall-Ewwel Diviżjoni bħala Champions tat-Tieni Diviżjoni. Agħtina iktar dettalji.
Din hija il-ħames sena tiegħi bħala kowċ tat-tim ta’ Ta’ Xbiex. Fit-tieni sena tiegħi, irnexxieli ngħin lit-tim jikseb il-promozzjoni għall-Ewwel Diviżjoni. Fis-sentejn ta’ wara, it-tim reġa’ niżel fit-Tieni Diviżjoni. Din is-sena peressli l-kampjonat sar differenti mis-snin ta qabel, it-tim kellu ċ-ċans li jikkompeti kontra iżjed timijiet, fosthom dawk tal-Ewwel Diviżjoni. Wara l-ewwel rawnd, it-tim ta’ Ta’ Xbiex niżel fil-kategorija tat-Tieni Diviżjoni peró wara li rebaħ il-logħob kollu tat-tieni rawnd, it-tim irnexxielu jikseb promozzjoni lura għall-Ewwel Diviżjoni. Kburija ħafna bil-plejers kollha għall-kontribut li taw tul l-istaġun kollu sabiex jieħdu posthom lura. Dan kien suċċess kbir għalina lkoll u jien grata ħafna għall-mumenti sbieħ bħal dawn.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fin-netball.
Lil kull min għandu ħolma li jagħmel karriera fin-netball, ngħidlu: ibda llum billi temmen fik innifsek. Jekk tassew tħobb dan l-isport, hemm bzonn li tinkludih kuljum b’passjoni u b’dedikazzjoni. Kull sessjoni ta’ taħriġ u kull logħba hi opportunità biex tkun aħjar mill-bieraħ!
Xi drabi n-nies jaħsbu li s-suċċess jiġi faċilment. Imma jien nemmen li biex tilħaq il-miri tiegħek, trid tagħti kollox u ma tħarisx lura. Il-problemi li tħabbat wiċċek magħhom huma biss sfidi li tista’ tegħleb!
Mhux dejjem niksbu r-riżultati li nixtiequ, anke meta nagħmlu ħafna sforz. Xi kultant jieħu ġranet, xhur, jew saħansitra snin biex inħossuna kuntenti b’dak li ksibna. Iżda meta verament tħobb dak li qed tagħmel, dak hu l-mument meta kollox jkun waqa’ f’postu.
Il-vera sodisfazzjon jiġi meta tagħti ħin u passjoni biex tilħaq xi ħaġa importanti fil-ħajja.
L-isport hu mezz qawwi biex twassal messaġġ: messaġġ ta’ għaqda u rispett. Qatt tħalli lil ħadd iġiegħlek tħossok inqas minħabba l-kulturá jew it-twemmin tiegħek. Kunu ċerti li fiċ-ċirku tagħkom hemm biss nies li jemmnu fikom u jagħtukom il-kuraġġ!