… Mitluba u ġiet aċċettata laqgħa mal-Prim Ministru
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, f’intervista li saritlu lbieraħ qal li s-sitwazzjoni tal-vapur Conscience, li allegatament safa attakkat fi triqtu lejn Gaza, hija waħda delikata ħafna. Bħala partit, il-PN f’dawn il-ġranet kien qiegħed jakkwista aktar informazzjoni. Grech ħabbar li huwa talab laqgħa mal-Prim Ministru, liema laqgħa ġiet aċċetta u jittama li ssir malajr kemm jista’ jkun.
“Qagħdna kawti ħafna imma konna preokkupati għal dak li jista’ jiġri lill-bastiment u lil dawk ta’ fuqu. Attakk kundanabbli però għad hemm numru ta’ mistoqsijiet. Kien għalhekk li ħassejt li għandi nikteb lill-Prim Ministru biex niltaqa’ miegħu ħalli nkun nista’ nifhem x’inhi eżatt il-kwistjoni. Hawn għandu jipprevali l-interess nazzjonali u għandu l-appoġġ tiegħi”.
Grech spjega li mill-informazzjoni li ħarġet il-vapur inkwistjoni m’għandux bandiera u elabora kif f’każi bħal dawn ikun hemm il-kumplikazzjonijiet. Kien hawn li huwa għamel appell biex “ħadd ma jkun populist u niġbdu ħabel wieħed. Nappella lil kulħadd biex sitwazzjoni bħal din nitrattawha bl-akbar delikatezza… Bla dubju għandna għal qalbna l-ħajja ta’ kulħadd imma rridu nħarsu l-obbligi internazzjonali u l-interess tal-poplu Malti u Għawdxi kollu”.
Grech f’din l-intervista ħa l-okkażjoni biex jerġa’ jsemmi l-proposta riċenti tal-PN għal eżenzjoni mit-taxxa tal-ewwel €10,000 li ħaddiem jaqla’ mill-part time jew l-overtime tiegħu. “Dak ifisser li jibqagħlek fil-but dak l-ammont li tħallas taxxa lill-Gvern. Mhumiex ammonti żgħar. Illum hawn min qiegħed ikun affettwat mill-għoli tal-ħajja allura, biex ngħinu aktar lin-nies ħalli anke jkunu jistgħu jgawdu l-familja u mhux jaħħdmu biss, se nagħħmlu din il-miżura. Meta aħna nitkellmu nagħtu s-soluzzjonijiet fil-politika għall-ħajja tan-nies. Jekk tagħtuna fiduċja, issir din il-miżura,” wiegħed il-Kap tal-Oppożizzjoni.
Huwa tkellem ukoll dwar l-attivitajiet tal-PN f’Jum il-Ħaddiem fejn insista fuq l-importanza tal-edukazzjoni. “Tista’ tasal f’ħajtek f’diversi toroq inkluż l-Universita però mhux biss. Aħna dejjem irridu nsaħħu l-edukazzjoni u l-iskills set ta’ kull individwu. Dan għax il-pajjiż m’għandux risorżi għajr dawk umani. Dejjem konna l-partit tal-edukazzjoni u nemmnu li għandek tkompli titħarreġ. Għalhekk wellidna l-MCAST. Dejjem emminna fir-risorża umana. B’hekk mort f’diversi laqgħat b’messaġġ ċar li l-PN se jkompli jkun il-partit tal-edukazzjoni u nagħmilha ċara li mhux ċertifikati tal-univesità biss. Kull xogħol huwa meħtieġ. Pajjiżna huwa mibni mill-ħaddiema ta’ kull tip – dawk tal-id u dawk tal-pinna,” temm il-Kap tal-PN, Bernard Grech.