Aħbar biex ngħidu hekk meqjusa jew deskritta bħala mument storiku bla ma trid iġġib reazzjonijiet pożittivi li mal-ewwel daqqa t’għajn nieħdu stampa sabiħa bla ma nqisu li l-kuluri jistgħu jiżżelġu jekk il-kwadru ma niħdux ħsiebu.
L-aħbar li finalment jidher li ġiet żviluppata mediċina li tgħin biex tittaffa l-kundizzjoni tal-Alzheimer’s wara deċenji ta’ falliment f’dan il-qasam jidher li kellha rispons pożittiv minnufih, b’mod speċjali mill-pubbliku li jara biss xaqq ta’ dawl f’passaġġ mudlam wara ħafna tentattivi bla suċċess. Madanakollu jeħtieġ li nifhmu li dawn id-deċenji ta’ riċerka swew miljuni ta’ ewro lill-pajjiż jew pajjiżi li nkarigaw rwieħhom minn din l-istess riċerka. Nifhmu li ladarba jinkiseb riżultat, biex dan ikun sostenibbli għal min se jkun qiegħed jibda jimmanifattura l-istess mediċina, irid jistabbilixxi prezz li jpatti għal dik ir-riċerka twila b’tali mod li din tkun waħda li tħalli profitt. Nifhmu wkoll li ma tkunx tagħmel sens li l-produttur tal-mediċina jaħdem mingħajr profitt jew saħansitra bit-telf, iżda biex dan iseħħ hemm possibbiltà kbira li l-prezz mhux se jkun jiflaħ għalih kulħadd. Barra milli l-prezz imbassar mhux se jkunu jifilħu għalih ħafna nies, hemm ukoll il-fatt li din il-mediċina se jibbenefikaw minnha dawk biss li l-kundizzjoni tagħhom tal-Alzhiemer’s tkun għadha fi stat bikri ħafna.
M’aħniex qegħdin nitkellmu biss fuq din it-tip ta’ mediċina. Iżda snin twal ta’ riċerka tista tfisser biss illużjoni ta’ fejqan għal persuni b’dawn il-kundizzjonijiet għax fl-aħħar mill-aħħar ħadd mhu bir bla qiegħ. Il-gvern Malti fl-aħħar snin kompla jżid il-mediċini fuq il-formularju tiegħu, iżda anke pajjiżna stess li s’issa dejjem ħadem b’finanzjament għaqli f’dan il-qasam, jista’ jiġi fi stadju li ma jkunx jista’ joffri tali mediċina minħabba l-prezz tagħha. Tista’ ma tkunx ta’ sorpriża f’dan l-istadju li pillola waħda tkun tiswa mijiet ta’ ewro, liema pilloli se jkunu diffiċli ferm li jkunu jifilħu jixtruhom iċ-ċittadini, iżda se tkun iebsa wkoll biex il-gvern jikkommetti ruħu fix-xiri tagħhom. Nifhmu wkoll li jekk stess pajjiżi b’ekonomiji aktar b’saħħithom minn oħrajn jidħlu biex jixtru din il-mediċina, jista’ jagħti l-każ, u nistennew li jista’ jiġri hekk, li persuni b’kundizzjonijiet oħra jilmentaw dwar is-sitwazzjoni tagħhom. Din is-sitwazzjoni se tkun qiegħda toħloq pressjonijiet ġodda fuq il-gvern ta’ kwalunkwe pajjiż.
Nittamaw ukoll li ma jkunx hemm okkażjoni fejn din il-mediċina tispiċċa tieħu post mediċini oħra essenzjali fil-lista ta’ mediċini li pazjenti jkunu intitolati għalihom bla ħlas. Jekk jiġri hekk, il-progress ikun ifisser li minflok is-saħħa u l-fejqan tal-mard imorru ’l quddiem, il-pazjenti, huma f’liema pajjiż huma, jispiċċaw ibatu l-konsegwenzi ta’ din l-għajta tal-progress li qed tikseb ix-xjenza medika u t-teknoloġija.