Sunday, November 10, 2024

“Ħadd mhu se jiġi permess jagħmel ġungla fil-pajjiż tagħna”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Dalgħodu waqt intervent telefoniku fuq One Radio, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar il-bżonn ta’ iżjed investiment fis-sigurtà u l-buon ordni tal-pajjiż. Saħaq li dak li seħħ fil-Ħamrun din il-ġimgħa huwa “diżgustanti u inaċċettabbli” jkunu min ikunu dawk involuti. Dwar dan il-każ partikolari Abela qal li jinsab infurmat li l-pulizija tad-distrett u dawk tal-RIU kienu fuq il-post fi ftit minuti u wettqu xogħolhom. Madanakollu huwa enfasizza li jħares ’il quddiem biex il-Qorti issa tibat messaġġ ċar ladarba dawk responsabbli jitressqu quddiem il-Qorti. 

Saħaq dwar il-bżonn ta’ iżjed investiment u sinerġija bejn il-forzi tal-ordni u entitajiet bħalma huma l-Kunsill Lokali u l-LESA li f’każijiet bħal dawn jistgħu jgħinu biex qabel ikollna l-każ, issir ħidma li b’aktar preżenza tipprevjeni li jibdew argumenti simili. Tkellem dwar l-investiment tal-body cams u li dawn għenu biex f’każijiet bħalma kien dak l-aktar riċenti jkollok piżervazzjoni tal-provi. Barra minn hekk ma jkollokx persuni li jitressqu l-qorti u wara li jitqatlu jispiċċaw idawru l-verżjoni tagħhom biex jipproteġu l-interessi tagħhom. 

Filwaqt li saħaq li l-gvern se jkun qiegħed jibgħat messaġġ ċar li l-ebda individu; Malti jew barrani mhu se jiġi permess li jagħmel xi ġungla minn pajjiżna, il-Prim Ministru tkellem dwar numru ta’ investimenti li jeħtieġ li jsiru fosthom l-estensjoni tas-servizz tal-Pulizija tal-Komunità madwar il-pajjiż kollu sal-aħħar tas-sena li ġejja.

Fuq nota pożittiva, Abela qal li jaqsam lill-komunitajiet barranin fi tlieta – turisti, dawk li jiġi f’pajjiżna biex jaħdmu minn pajjiżi terzi u dawk li jidħlu b’mod irregolari u jingħataw status ta’ refuġjati. Fakkar li fil-maġġoranza tagħhom dawn il-barranin jgħixu f’serenità mal-komunità Maltija.

Il-Prim Ministru għalaq id-diskors tiegħu b’messaġġ b’saħħtu favur l-interess tal-poplu Malti. Huwa qal li għalkemm il-gvern ma jista’ qatt jaċċetta li jħalli minn tal-inqas immigrant wieħed jegħreq, mhux l-istess jista’ jżomm pożizzjoni fejn jidħol traffikar tal-bniedem. Hawnhekk huwa saħaq li pajjiżna jrid jibgħat messaġġ b’saħħtu kontra dawk li jħarsu lejn pajjiżna bħala alternattiva biex jidħlu irregolarment. “L-interess primarju jridu jkunu ċ-ċittadini Maltin u jeħtieġ li dan il-messaġġ ikun ċar”, temm Abela.

Sport