Ħaddiem kellu jiddaħħal b’urġenza l-Isptar wara li aktar kmieni għall-ħabta tas-2:30 p.m kien involut f’inċident f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq Carlo Manche l-Gżira.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li r-raġel – Sirjan ta’ 27 sena – kien qiegħed jagħmel xi xogħol mal-faċċata meta għal xi raġuni waqa’ minn għoli ta’ madwar tliet sulari.
Fil-post issejjaħ minnufih tim mediku u ambulanza li taw l-ewwel assistenza lir-raġel sakemm huwa seta’ jittieħed lejn l-Isptar Mater Dei għal aktar kura. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Gabriella Vella ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija u l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għadhom għaddejjin.