Raġel sofra ġrieħi wara li t-Tnejn għall-ħabta tas-1:30 p.m kien involut f’inċident f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq l-Imrieħel f’Birkirkara.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li ħaddiem li l-identità tiegħu għadha mhix magħrufa kien waqa’ minn għoli ta’ madwar sular u nofs waqt li kien qiegħed jaħdem.
Fil-post issejħet ambulanza u tim mediku li tah l-ewwel għajnuna sakemm huwa seta’ jittieħed lejn l-Isptar Mater Dei għal aktar kura. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.